Internazzjonali

L-Olanda: Konfermata r-rebħa elettorali għall-Partit liberali taċ-ċentru D66

Ir-riżultat tal-elezzjonijiet parlamentari issa hu uffiċjali – bil-Partit D66, entità liberali taċ-ċentru, jegħleb lill-Partit PVV estremista tal-lemin immexxi minn Geert Wilders…Riżultat li jfisser li d-D66, issa, sar l-akbar partit tal-Olanda u fejn qed jaħseb biex jibda paġna politika ġdida fl-istorja tal-pajjiż.

L-għadd tal-voti kien konkluż, illum, wara proċess ta’ ftit jiem, u bil-Kummissjoni Elettorali tikkonferma li l-PVV ‘ma kellu l-ebda ċans li jispiċċa fuq quddiem’ fil-konfront tad-D66 immexxi minn Rob Jetten

Dan wara li, nhar il-Ħamis, iż-żewġ partiti ewlenin kienu qed jidhru ras-imb-ras, bil-partit ta’ Jetten jikseb vantaġġ inizjali ta’ ftit mijiet tal-voti biss.

Sadanittant, il-voti li ntbagħtu mill-posta se jkunu pubblikati nhar it-Tnejn, għalkemm dawn mhumiex se jaqilbu l-bilanċ favur il-partit ta’ Wilders. Dan meta l-aħħar ċifra fl-Olanda, ilbieraħ, indikat vantaġġ ta’ aktar minn 15,000 vot  għad-D66.

Hu wkoll ikkonfermat li d-D66 għamel il-kisbiet notevoli, bir-rappreżentanza tiegħu fil-Parlament tiżdied minn disa’ għal 26 deputat. Hemm ukoll il-possibbiltà li d-deputati ta’ dan il-partit, ‘il quddiem, jiżdiedu b’ieħor skont teknikalità fil-proċess elettorali.

Mistenni li d-D66, issa, se jieħu l-inizjattiva biex jifforma Gvern ġdid ta’ koalizzjoni – u meta Rob Jetten hu l-favorit assolut li jassumi r-rwol ta’ Prim Ministru Olandiż.

L-aħħar darba li dan il-partit liberali kien fil-Gvern kien waqt l-aħħar mandat ta’ Mark Rutte bħala Prim Ministru tal-Olanda …Il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien ikkrolla, fl-2023, b’kaġun ta’kriżi dwar l-immigrazzjoni u l-kenn politiku.

Rob Jetten, intant, kien serva bħala l-Ministru responsabbli mill-Klima u l-Politika għall-Enerġija taħt Mark Rutte sal-2024.

Sadanittant, l-elettorat Olandiż, din id-darba, deher li qed jirrinunċja l-politika estremista u diviżiva ta’ Geert Wilders, li hu magħruf madwar l-Ewropa bħala politiku anti-Iżlamiku.

Fl-istess ħin, jidher li appellat aktar l-aġenda elettorali ta’ Jetten bil-għan li titkattar il-politika progressiva fl-Olanda…Politika li fost oħrajn tikkonċentra fuq l-enerġija rinovabbli biex jinżammu baxxi l-kontijiet tad-dawl. Jetten anki impenja ruħu biex jibni aktar bliet bil-għan li jindirizza l-kriżi attwali tal-housing fl-Olanda u biex inaqqas il-piż għas-sistema nazzjonali għall-kura tas-saħħa.