Internazzjonali

L-Ungerija: Orban irid eżenzjoni mis-sanzjonijiet għar-Russja

Il-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban – ħabib ta’ Vladimir Putin u l-Kremlin – se jipprova jipperswadi lill-Istati Uniti biex l-Ungerija tkun eżenta mis-sanzjonijiet ġodda li Washington qed jimponi għall-prodotti taż-żejt esportati mir-Russja.

Dan meta Orban, il-ġimgħa d-dieħla, jiltaqa’ mal-President Amerikan, Donald Trump, għall-ewwel laqgħa bilaterali mindu Trump assuma uffiċjalment it-tieni mandat tal-Presidenza f’Jannar li għadda.

L-Istati Uniti, jiem ilu, ikkonfermat is-sanzjonijiet ġodda fil-konfront tal-kumpanniji taż-żejt, Rosneft and Lukoil – żewġ intrapriżi ewlenin affiljati mal-Istat tar-Russja…Dan il-pass, sadanittant, kapaċi jintroduċi sanzjonijiet sekondarji anki għall-pajjiżi li qed jixtru ż-żejt mingħand ir-Russja u li jinkludu l-Indja, iċ-Ċina u xi pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali.

Filwaqt li l-maġġoranza tal-Istati tal-Unjoni Ewropea naqqsu bil-kbir l-importazzjoni tal-fossil fuels mingħand ir-Russja mindu l-qawwiet ta’ Vladimir Putin invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022. Dan meta l-Ungerija ta’ Orban u anki s-Slovakkja – it-tnejn membri tal-UE – baqgħu jinvestu xorta waħda fiż-żejt tar-Russi u li sallum kien qed jitwassl lilhom permezz tal-pipelines.

Fil-fatt, il-politika ta’ Viktor Orban, fl-aħħar xhur, esġiet ukoll għal xiri ta’ żejt mingħand ir-Russja fuq livell ogħla minn tal-aħħar snin.