Lokali Qorti

Ordni ta’ probation wara li nstab ħati li attakka sesswalment żewġ studenti Franċiżi ta’ 16-il sena

Mario Farrugia, ta’ 70 sena, residenti Birkirkara ġie kkundannat taħt ordni ta’ probation ta’ tliet snin wara li l-Qorti sabitu ħati li attakka sesswalment żewġ studenti Franċiżi li kienu qed joqogħdu fid-dar tiegħu waqt li kienu f’Malta biex jistudjaw l-Ingliż.

Il-każ seħħ f’Lulju 2023, meta ż-żewġ tfajliet, it-tnejn ta’ 16-il sena, kienu qed jgħixu fid-dar tal-akkużat bħala parti minn programm ta’ skambju lingwistiku. Skont ix-xhieda, fil-21 ta’ Lulju 2023, waqt li waħda mill-istudenti kienet sejra toħroġ mill-kċina, Farrugia qabadha minn wara fuq il-parti tal-ġenbejn. Meta qalet dan lill-ħabiba tagħha, din tal-aħħar għall-ewwel ħasbet li seta’ kien inċident.

Madankollu, jumejn wara, fit-23 ta’ Lulju, wara l-ikel ta’ filgħaxija, meta t-tnejn reġgħu għaddew mill-istess bieb dejjaq tal-kċina, l-akkużat reġa’ qabad lill-oħra mill-ġenbejn fil-preżenza tal-ewwel vittma. Iż-żewġ tfajliet telgħu f’kamarthom, informaw lill-familji tagħhom u lill-organizzaturi tal-programm edukattiv, u l-għada ġew imċaqalqa f’akkomodazzjoni oħra. Il-każ ġie rrappurtat immedjatament lill-Pulizija.

Matul il-proċeduri, Farrugia ċaħad l-akkużi u ta verżjonijiet kontradittorji tal-ġrajjiet. Fl-ewwel stqarrija tiegħu qal li jekk kien hemm kuntatt, seta’ kien aċċidentali, u saħaq li l-allegazzjonijiet jistgħu jkunu nħolqu minħabba “nuqqas ta’ qbil dwar arranġamenti tad-dar.” Iżda f’fażi aktar tard sostna li ma setax imisshom minħabba li kien weġġa’ jdejh serjament u kellu faxex fuqhom.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo, ma tatx kas ta’ din il-verżjoni, billi fil-filmati tal-istqarrija awdjoviżiva, meħuda ftit wara l-inċident, Farrugia jidher jgħaddi u juża jdejh normalment mingħajr faxex. Dan kien ikkonfermat ukoll mix-xhieda tat-tfajliet u tal-kap tal-grupp tagħhom.

Il-Maġistrat sostna li x-xhieda taż-żewġ minuri kienu koerenti, ċari u konsistenti matul l-investigazzjoni kollha u li l-verżjonijiet tagħhom ma nbidlux. Il-Qorti kkonkludiet li l-azzjoni ta’ qbid fuq il-ġenbejn tikkostitwixxi att sesswali u li dan sar f’ċirkostanzi aggravanti, peress li seħħ fil-proprjetà fejn kienu qed jgħixu l-vittmi taħt il-kustodja tal-akkużat.

B’hekk, Mario Farrugia ġie kundannat taħt ordni ta’ probation ta’ tliet snin, taħt sorveljanza tal-Uffiċċju tal-Probation. Il-Qorti ordnat ukoll li, ladarba s-sentenza ssir definittiva, tiġi rreġistrata mar-Registratur tal-Qrati Ċivili u Tribunali skont l-Att dwar ir-Reġistru tal-Protezzjoni tal-Minuri.

It-talba tal-prosekuzzjoni biex l-akkużat iħallas il-miżati tal-esperti ġiet miċħuda, peress li ma ġietx ippreżentata prova tal-ispejjeż.