Il-Ministru għat-Trasport jammetti l-falliment tiegħu stess fit-trasport; Gvern li spiċċa ġġammjat fejn jidħol it-traffiku
Ftit jiem ilu l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana – li ma jaqbilx mal-Prim Ministru fuq is-sistema tat-trasport tal-massa – qalilna li s-soluzzjoni għall-kriżi tat-traffiku hija l-kastigi u l-multi.
Issa ħareġ imerih sieħbu l-Ministru għat-Trasport Chris Bonett li lbieraħ qalilna li l-kastigi biex niskoraġixxu l-użu tal-karozzi ma jkunu xejn ħlief taxxa ġdida.
Din id-dikjarazzjoni li għamel fl-aħħar sigħat il-Ministru Chris Bonett hija wkoll dikjarazzjoni ċara tal-falliment tiegħu stess u tal-Gvern Laburista fit-trasport.
Hu u jitkellem mal-ġurnalisti, Bonett ammetta li bħalissa ma teżisti l-ebda alternattiva għall-karozza.
Dan hu l-istess Ministru li sitt xhur ilu waqt konferenza ta’ tliet sigħat ħabbar li kien se jniedi skemi biex in-nies iċedu l-liċenzja tal-karozza u jużaw mezzi alternattivi.
L-ebda waħda minn dawn l-iskemi għadha ma daħlet fis-seħħ.
Il-Gvern Laburista jinsab kompletament iġġammjat u m’għandux ħjiel kif se jsolvi l-problemi li ħoloq hu stess fit-toroq tagħna.
Il-Ministru Chris Bonett sa issa għamel biss konferenzi u konsultazzjonijiet mingħajr ma solva xejn u l-Ministru Clye Caruana l-ħin kollu jikkontradixxi lill-Prim Ministru Robert Abela, tant li saħanistra ddeskriva sistema ġdida tat-trasport tal-massa bħala ġennata.
Wieħed jgħid li jrid jagħti l-multi u l-ieħor jgħid li ma nistgħux nagħtu multi qabel ikollna alternattiva għall-karozzi.
F’dan kollu Robert Abela jibqa’ jdur u jagħqad fin-nofs. U għadna sa issa ma nafux liema hi l-pożizzjoni uffiċjali tal-Gvern dwar dan is-suġġett – jekk hux dik ta’ Robert Abela, inkella dik ta’ Clyde Caruana.
Sadanittant, il-poplu jibqa’ bla soluzzjonijiet. Jibqa’ mwaħħal fit-traffiku.
Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għat-Trasport, l-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina.
//= $special ?>

