Lokali

Clyde Caruana jgħid li l-Labour ma falliex fil-qasam tas-saħħa

Għall-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana Gvern Laburista ma falliex fis-settur tas-saħħa anke meta seħħet l-akbar frodi ta’ €400 miljun u skontu d-dejn nazzjonali li issa qabeż il-€11-il biljun huwa sostenibbli.

Huwa ddikjara dan waqt dibattitu fil-programm Opinjoni fejn preżenti wkoll kien hemm ix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia u ġie diskuss il-Budget kif ukoll il-ħtiġijiet ta’ pajjiżna.

Waqt id-dibattitu l-Ministru Clyde Caruana għal darba darbtejn insista li Gvern Laburista ma falliex fis-settur tas-saħħa dan wara li f’sentenzi tal-Qorti ħareġ b’mod ċar li l-poplu Malti u Għawdxi nsteraq €400 miljun filwaqt li kienet ġiet deskritta bħala l-akbar serqa.

B’rabta mat-turiżmu l-Ministru Clyde Caruana spiċċa qabel ma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista kif ukoll li ilhom jgħidlu numru ta’ għaqdiet – dak li jeħtieġ li nimxu lejn turiżmu ta’ kwalità.

B’rabta mal-mudell ekonomiku u l-isplużjoni fil-popolazzjoni l-Ministru Clyde Caruana ddefenda l-mudell tal-Partit Laburista iżda fl-istess waqt spjega li wasal iż-żmien li jkun hemm tranżizzjoni fil-mudell ekonomiku.

Minn naħa tiegħu, ix-Shadow Minister Adrian Delia qal li għalkemm fil-Budget hemm numru ta’ miżuri pożittivi, xorta għad baqa ħafna xi jsir.