Lokali Sport

Il-Kap tal-PN iżur ix-xogħlijiet li qed isiru fil-Korsa taż-Żwiemel fil-Marsa

Jeħtieġ li l-politiċi jagħtu widen serju lil kull min huwa involut fil-qasam sportiv, fejn mid-diskors għandna ngħaddu għal fatti.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fejn akkumpanjat mix-Shadow Minister David Agius  żar il-ħidma li qed issir fil-Korsa tal-Marsa.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qatta l-għodwa ma’ uħud mid-dilettanti tat-tiġrijiet taż-żwiemel  fejn kelmuh dwar il-ħidma kontinwa tagħhom u l-isport għal qalbhom.

Dan filwaqt li ġie spjegat il-ħidma  li għaddejja fil-korsa taż-żwiemel fil-Marsa – b’investiment kompletament mill-privat.

Ħidma li għaddejja kontra l-ħin sabiex fi ftit tal-jiem oħra l-korsa tkun lesta sabiex jissokta b’mod uffiċjali l-kampjonat tat-tiġrijiet segwit minn bosta. S’intendi l-ħidma li mistennija tkun lesta sa nofs Novembru ma tinkludix il-binja l-ġdida.

Fl-aħħar ġimgħat għaddejjin diversi xogħlijiet f’din il-korsa b’interventi mill-privat sabiex tkun tista’ tilqa’ fi ħdana diversi avvenimenti taż-żwiemel u tiġrijiet varji – b’garanzija ta’ serħan il-moħħ u kwalità.

Fost ix-xogħlijiet li mistennija jitwettqu huwa railing ġdid għal aktar sigurtà kif ukoll tqegħid ta’ saffi differenti differenti ta’ tip differenti ta’ ġebel.

Dan kollu grazzi għall-intervent tal-privat li se jkun qed jeleva din il-korsa u dan l-isport f’pajjiżna.

Intant il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg saħaq li hija ħasra li fl-estimi tal-budget imħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa l-fondi għall-isport naqsu hekk kif Fl-2024, l-ispiża tal-Gvern fl-isport kienet aktar minn €10,700,000 – bl-ispiża tonqos għal €7,400,000 fl-2025 u issa, l-estimi għal 2026 qed juru li n-nefqa se tkun dik ta’ €6,000,000. Tnaqqis ta’ fondi allokati f’dan il-qasam b’aktar minn 4 miljun ewro f’temp ta’ sentejn.