Lokali

Il-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz u l-Kunsill Reġjonali Għawdex jorganizzaw wirja ta’ Arti, Statwi u Memorabilia

Il-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz bil-koperazzjoni tal-Kunsill Reġjonali Għawdex, bħalissa qed jorganizzaw wirja ta’ Arti, Statwi u Memorabilia, li sa issa qed tkun ta’ suċċess, kemm mill-parteċipazzjoni tal-komunità li ġabet il-materjal tagħhom, kif ukoll min-nies li qed iżuruha b’interess.

Il-wirja tinkludi diversi opri tal-arti li qegħdin jidhru għall-ewwel darba, fosthom abbozzi mill-artist magħruf Attilio Palombi, kif ukoll xogħlijiet ta’ Pawlu Camilleri Cauchi u John Grima. Hemm ukoll biċċiet artistiċi u memorabilia li jmorru lura għal sekli sħaħ, u li joffru ħarsa unika lejn il-wirt u l-identità ta’ San Lawrenz.

Din l-esebizzjoni qed issir fis-sala ta’ fuq taċ-Ċentru Parrokkjali, u se tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 2 ta’ Novembru, f’nofsinhar. Kulħadd huwa mistieden iżurha u jgawdi minn din il-ġabra rikka ta’ arti u storja lokali.