Għal darba oħra l-media tal-Partit Laburista inqabad f’gidba oħra dan hekk kif f’artiklu kitbu li l-Partit Nazzjonalista m’għamilx sottomissjonijiet b’rabta mal-Viżjoni 2050 iżda fil-verità kien hemm ftehim li s-sottomissjonijiet l-ewwel jiġu preżentati lill-Gvern qabel ma jkunu ppubblikati.
Infatti, Kelliem għall-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista kien sorpriz bl-artiklu tal-ONE dwar din il-materja bil-Partit Nazzjonalista jistenna li jkun hemm komunikazzjoni interna aħjar fi ħdan il-Partit Laburista.
Apparti minn hekk, il-Partit Nazzjonalista kkonferma li hemm data li ilha fissa meta delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista se tiltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-Uffiċċju tal-Prim Minsitru u l-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi.
Il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi kien ippreżenta d-dettalji lil delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista waqt laqgħa bejn il-partijiet dwar il-Viżjoni Malta 2050.
Il-Partit Nazzjonalista se jimxi bl-istess mod kif mexa l-Ministeru u kif diġa’ miftiehem mal-Ministeru stess, u fil-laqgħa li hemm skedata – li se ssir fit-12 ta’ Novembru li ġej għall-ħabta tas-2:00 ta’ waranofsinhar, il-Partit Nazzjonalista se jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu qabel ma’ din tkun ippubblikata.
Intant, il-Partit Nazzjonalista sostna li din hi kwisjoni ta’ interess nazzjonali u li ħadd m’għandu jdaħħal il-partiġġjaniżmu politiku.

