Lokali

Il-Ministru Chris Bonett qed jgħaddi lill-Misidjani biż-żmien – PN

Ritratt: Infrastructure Malta

Isejjaħ konferenza tal-aħbarijiet fl-Imsida imma jirrifjuta li jisma’ dwar il-problemi tal-Misidjani

Huwa deplorevoli u assolutament inaċċettabbli li l-Ministru Chris Bonett qed ikompli jinjora għalkollox il-problemi tal-Misidjani.

Wara li baqa’ għaddej bil-pjan li jibni flyover fil-qalba tal-Imsida, u filwaqt li l-Misidjani huma dawk li qed ibatu l-aktar waqt li għaddejjin ix-xogħlijiet, il-Ministru Chris Bonett baqa’ ma sabx siegħa ċans biex jiġi jitkellem mal-kunsillieri tal-Imsida dwar il-problemi li ma waqfux tul l-aħħar xhur.

Madanakollu l-istess Ministru sab ħin darbtejn biex jiġi l-Imsida biex jippoża għall-kameras.

Dan l-aġir huwa ta’ diżappunt kbir għall-kunsillieri u huwa turija ta’ diżrispett lejn il-Misidjani min-naħa tal-Ministru.

Minkejja n-nuqqas ta’ qbil mill-maġġoranza tal-kunsillieri fl-Imsida dwar il-flyover, il-kunsillieri kollha wrew kollaborazzjoni sħiħa mal-Ministeru u ma’ Infrastracture Malta dwar il-proġett. Huwa ħasra li mhux l-istess jista’ jingħad dwar il-Ministru.

Fl-aħħar sigħat Chris Bonett sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex iħabbar tibdil fit-traffiku minn għada l-Ħadd.

Il-Kunsill Lokali tal-Imsida sar jaf id-dettalji dwar dan it-tibdil flimkien mal-kumplament tal-pubbliku, lejliet li se jidħol fis-seħħ. Dan mhux aċċettabbli. Aktar minn hekk, id-dettalji kollha għadhom mhumiex ċari u lanqas għandna s-serħan il-moħħ li se jkun hemm uffiċjali jidderieġu t-traffiku u jiżguraw is-sigurtà fit-toroq biex ikun żgurat li ma jkunx hemm inċidenti.

Din mhix l-ewwel darba li l-kunsillieri tal-Imsida appellaw lill-Ministru biex jagħti kas lill-Misidjani.

L-ewwel prijorità tal-kunsillieri hi s-sigurtà tar-residenti.

Il-kunsillieri tal-PN fl-Imsida għal darba oħra qed jappellaw lill-Ministru biex fil-jiem li ġejjin jiġi l-Imsida, anke jekk dan mhux id-distrett elettorali tiegħu.

B’hekk jara l-problemi li qed jiffaċċjaw il-Misidjani u jifhem it-tħassib tal-kunsillieri fejn hemm nuqqas sistematiku ta’ sigurtà u nuqqasijiet oħra b’rabta max-xogħlijiet.

Dan intqal fi stqarrija mis-Sindku tal-PN fl-Imsida Charles Selvaggi, mill-Viċi Sindku tal-PN fl-Imsida Christine Amaira u mill-Kunsilliera Lokali tal-PN fl-Imsida Maurice Agius, Alfred Farrugia u Chris Borg.