Matul il-jum, Caritas Malta daret fuq il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi f’Maratona Ġbir ta’ Fondi bit-tema ‘Jimpurtani – Maratona ta’ Mħabba’ sabiex ikomplu jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ dawk li tant għandhom bżonn u anke l-familji tagħhom.
Il-maratona ta’ 12-il siegħa bdiet għall-ħabta tal-11:00 ta’ filgħodu u matulha bosta perusni tkellmu fuq l-esperjenzi tagħhom fi żmien ferm diffiċli f’ħajjithom. Infatti huma qalu li irnexxielhom jelgħbu l-vizzju bl-għajnuna ta’ Caritas Malta.
Għaldaqstant, matul il-jum il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kien preżenti għal din il-maratona filwaqt li sostna li l-ebda individwu m’għandu jibża’ ifittex l-għajnuna.
Huwa qal li l-Caritas matul is-snin b’dedikazzjoni kbira għen lil eluf ta’ persuni u bil-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi se jkomplu jkunu ta’ salvazzjoni għal ħafna aktar nies.
Intant, il-maratona qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet lokali fosthom Net Television u se tiġi fi tmiemha għall-ħabta tal-11:00 ta’ filgħaxija.

