Bosta residenti Skalin esprimew il-frustrazzjoni u r-rabja tagħhom kontra l-proġett propost ta’ terminal tal-fast ferry. Is-Sibt wara nofsinhar, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, organizzata mill-Marsaskala Residents’ Network f’Triq is-Salini, attirat numru kbir ta’ residenti li riedu juru l-oppożizzjoni tagħhom għal dak li qed iqisuh bħala proġett distruttiv għall-bajja u għall-komunità lokali.
Skont l-MRN, il-proġett imbuttat ’il quddiem minn Infrastructure Malta, jhedded li jittrasforma waħda mill-ftit żoni naturali li fadal fil-lokal, f’ċentru ta’ trasport u kummerċ, b’impatt serju fuq l-ambjent, l-ekosistema u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Il-kelliema tal-MRN qallu li n-nuqqas ta’ trasparenza u ta’ konsultazzjoni sinifikanti mal-pubbliku qed joħloq sens ta’ sfiduċja u rabja ġustifikata fost il-komunità.
Il-Ministru responsabbli mill-proġett Chris Bonett, fiż-żewġ laqgħat li kellu mal-MRN, qal li l-fast ferry bejn Marsaskala u l-Belt Valletta għandu l-għan li jnaqqas it-traffiku fin-nofsinhar ta’ Malta. Iżda skont l-istatistika li ppreżentaw ir-residenti, dan l-argument ma jagħmilx sens, għaliex il-proġett mistenni jnaqqas biss madwar tletin vettura kuljum mit-toroq ta’ Marsaskala; ċifra li huma jikkunsidraw bħala insignifikanti u mhux raġuni biżżejjed biex jiġi sagrifikat l-ambjent tal-bajja.
Barra minn hekk, waqt din il-konferenza bosta kelliema qalu li l-laqgħat mal-Ministru ma kinux laqgħat ta’ konsultazzjoni, kif allega l-Gvern, iżda sempliċi sessjonijiet ta’ informazzjoni fejn id-deċiżjonijiet kienu diġà ttieħdu.
Il-protesta kienet immarkata minn għadd ta’ messaġġi diretti lill-Gvern, li ġew imxandra mir-residenti stess. Fosthom, “M’aħniex boloh!”, “Is-serenità tagħna l-Iskalin qed tiġi kontinwament mhedda!”, “Li tgħum f’bajja mhux mitfiesa hija taqbida ta’ kuljum” u “Li tiġi kkonsultat fuq proġett f’dan il-pajjiż hija ħolma.”
Xi oħrajn tennew l-importanza ekoloġika u soċjali ta’ Marsaskala billi tennew li “Marsaskala huwa l-uniku pulmun li fadal mhux mitiefes, fin-nofsinhar ta’ Malta. Filwaqt li lil Minsitru staqsewh .. “Għaliex trid tivgana?, Oħrajn qalu li l-fast ferry hija l-ewwel qerda għall-uniku pulmun tas-south, u l-prezz li se jħallsu bis-servizz tal-fast ferry huwa qares wisq.”
Il-konferenza saret bil-parteċipazzjoni ta’ diversi għaqdiet ambjentali u kulturali li wrew solidarjetà mal-komunità ta’ Marsaskala, fosthom Din l-Art Ħelwa, BirdLife Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Ramblers’ Association, Nature Trust, Moviment Graffitti, Momentum, Il-Kollettiv, ATAL, Sliema Residents Association, ResidentiBeltin u Għaqda Storja Kultura Birżebbuġa.
Il-MRN temmet billi appellat lil Gvern biex jirtira l-proġett u jsiru studji indipendenti ambjentali, soċjali u arkeoloġiċi. “Din mhix biss battalja għal Marsaskala,” qal wieħed mill-kelliema, “imma għal Malta kollha, għall-ftit li fadal naturali u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

