Is-Sibt filgħodu l-intelliġenza militari tal-Ukrajna qalet li laqtet pipeline ta’ prodotti tal-petrol fir-reġjun ta’ Moska.
Dan ġie wara li Kyiv ħabbret li kienet se żżid l-attakki tagħha fuq l-infrastruttura tal-enerġija ta’ Moska.
L-attakk, li seħħ il-Ġimgħa, qered il-pipes tat-trasport li kienu jintużaw biex jittrasportaw il-petrol, id-diesel u l-fuel għall-ajruplani tal-armata Russa. Dan l-attakk ġie deskritt bħala “daqqa serja” li laqtet kemm lill-militar kif ukoll lill-ekonomija Russa.
Matul il-lejl, ir-Russja nediet ukoll attakk fuq sit ta’ produzzjoni tal-gass f’Poltava, fiċ-ċentru tal-Ukrajna. Minkejja li l-bini nqabad in-nar, ma ġewx irrappurtati persuni midruba.
It-truppi Russi żiedu l-attakki tagħhom fuq il-faċilitajiet tal-enerġija tal-Ukrajna fix-xhur riċenti, u attakkaw l-infrastruttura tal-gass mill-inqas tmien darbiet minn Ottubru ’l hawn.
Intqal li waħda mill-aktar zoni ta’ tħassib fil-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna kienet il-faċilitajiet nukleari tagħha, fosthom il-pjanta nukleari ta’ Zaporizhzhia li kienet ittieħdet taħt kontroll Russu fil-bidu tal-gwerra. Matul il-ġlied, is-sors tal-enerġija estern tagħha esperjenzat xi ħsarat, u spiċċat tiddependi fuq ġeneraturi tad-diesel. Il-pjanta bħalissa ma tipproduċix enerġija, iżda l-elettriku huwa meħtieġ biex il-fuel jinżamm taħt kontroll.
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna kkundanna l-attakki Russi ta’ din il-ġimgħa fuq is-sotto-stazzjonijiet tal-pjanti nukleari Ukreni, filwaqt li dawn l-attakki ġew deskritti bħala terroriżmu nukleari.
Fi stqarrija nhar il-Ħamis, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika qalet li kien hemm attività militari li wasslet għal ħsara f’sotto-stazzjonijiet kruċjali għas-sigurtà nukleari fl-Ukrajna.
Il-ministri tal-enerġija tal-G7 ukoll ikkundannaw l-attakki Russi fuq l-infrastruttura tal-enerġija tal-Ukrajna, u fi stqarrija il-ministri sostnew wkoll li se jaħdmu biex jappoġġjaw il-bżonnijiet tal-enerġija tal-Ukrajna.
//= $special ?>

