Il-PN kontra l-abbuzi, imma favur in-negozji
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li lis-sidien tan-negozji ninċentivawhom irridu, u mhux nattakkawhom.
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-kummenti irresponsabbli tal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana li pprova jagħti x’jifhem li parti kbira tan-negozji u s-sidien ta’ negozji jevadu t-taxxa.
Huwa irresponsabbli u mhux serju li Ministru jitfa’ dikjarazzjonijiet bħal dawn mingħajr ebda spjegazzjoni jew analiżi ċara tad-data, għax dawn il-kummenti jservu biss biex iħammġu r-reputazzjoni ta’ mijiet ta’ imprendituri u kumpaniji li jaħdmu b’mod onest u jħallsu dak kollu dovut skont il-liġi.
Il-kumment tal-Ministru jitfa’ dell ikrah u inġust fuq eluf ta’ professjonisti fosthom accountants, awdituri u tax advisors. Dan mhux aċċettabbli.
Il-Malta Chamber diġà wissiet li dikjarazzjonijiet bħal dawn jistgħu jagħmlu ħsara serja lill-kumpaniji li joperaw b’mod korrett u li sempliċiment qed jiffaċċjaw sfidi ekonomiċi jew ċirkostanzi ohra li jistghu jnaqqsu l-profitt tagħhom fuq perjodu ta’ żmien.
Il-Ministru jidher li ma tgħallimx mid-dikjarazzjonijiet bla bażi li kien għamel fis-snin li għaddew kontra s-sidien tar-ristoranti – kummenti li wkoll kienu qanqlu reazzjoni negattiva minn dawk kollha li jaħdmu b’mod korrett u trasparenti.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Ministru għandu jkun eżempju ta’ serjetà, trasparenza u rispett lejn dawk li jikkontribwixxu għall-ekonomija, mhux li jxerred id-dubji fuqhom.
Il-PN huwa kontra l-abbużi, imma favur in-negozji. Fejn hemm każijiet ta’ evażjoni, il-Gvern għandu jara li tittieħed azzjoni mill-awtoritajiet fil-konfront ta’ dawk li jiksru l-liġi u mhux jiġġeneralizza billi jpinġi stampa negattiva fuq is-sidien tan-negozji kollha f’pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jiddefendi l-integrità u r-reputazzjoni ta’ kull min jaħdem b’mod onest u qed jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna u għall-ħolqien tal-ġid.
Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia, mix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia, u mix-Shadow Minister għas-Self-Employed, l-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Koperattivi Robert Cutajar.
//= $special ?>

