Lokali

MILL-QALBA TAL-LABOUR: L-establishment Laburista jkompli jattakka lil niesu stess

Il-klikka estremista tal-Labour issa dawret il-kanuni fuq il-President tal-Partit Laburista stess Alex Sciberras, hekk kif Neville Gafa għażel li jattakkah direttament minħabba li ħareġ jiddefendi lil oħtu – l-avukat Lara Dimitrijevic.

Kollox beda wara li il-Malta Women’s Lobby esprima tħassib serju dwar il-preżentatur Ricky Caruana, li fi kliemhom ingħata pjattaforma fuq il-PBS waqt li baqa’ jesprimi opinjonijiet foloz, medjevali u b’mod ċar ħafna misoġinisti.

Neville Gafa qal li oħt Alex Sciberras, li tmexxi l-Lobby tan-nisa, hija ipokrita. Dan filwaqt li attakka lilha bħala estremista.

Pront wieġbu Alex Sciberras, li kiteb pubblikament fuq il-media soċjali. Bil-President tal-Labour jgħid lill-partitarji Laburisti li jekk se jkassbru lil oħtu “inkludu lili magħha”.

Neville Gafa, imbgħad, ma waqafx hawn. U baqa’ jattakka lil Sciberras, tant illi qallu li hu mhux akbar mill-partit.