L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Avjazzjoni bil-Mudelli fetħet il-bibien tagħha lill-pubbliku għal Open Day speċjali f’Ta’ Qali, li ġie mmarkat ukoll bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-75 anniversarju mit-twaqqif tagħha.
L-avveniment, li nżamm fuq jumejn, laqqa’ flimkien membri ġodda u veterani tal-assoċjazzjoni, li llum tgħodd madwar 140 membru attiv. Kull membru kellu l-opportunità jipparteċipa billi juri l-ħiliet tiegħu f’titjir ta’ mudelli differenti, fosthom fan flyers, park flyers, mudelli akrobatiċi u jet models.
Il-President tal-assoċjazzjoni, Josef Gatt, spjega kif l-Open Day ġie maħsub biex joffri esperjenza edukattiva kemm għall-membri fi ħdan l-għaqda, kif ukoll għall-pubbliku.
Huwa ddiskuta wkoll id-diversi sistemi ta’ spinta li jintużaw f’dawn il-mudelli – sistemi li juru kemm dan il-hobby żviluppa teknoloġikament tul is-snin.
Il-Viċi President u PRO tal-assoċjazzjoni, Lou Runza, enfasizza l-importanza li l-MMAFA tkompli tkun ċentru ta’ ħbiberija u kollaborazzjoni fost il-membri tagħha.
Matul l-attività saret ukoll preżentazzjoni ta’ rikonoxximent lil tliet membri li rrappreżentaw lil Malta b’suċċess fil-Kampjonati Nazzjonali Taljani tal-Akrobazija.
Dawn ir-riżultati poġġew lil Malta fost l-aqwa parteċipanti minn madwar l-Italja kollha, suċċess li l-MMAFA tgħodd bħala wieħed mill-aktar mumenti ta’ kburija fl-istorja tagħha.
//= $special ?>

