Lokali Qorti

Żagħżugħ arrestat b’rabta ma’ sewqan perikoluż

Żagħżugħ ta’ 19-il residenti l-Mellieħa qiegħed jinżamm arrestat wara li nqabad isuq b’manjiera perikoluża, f’Pembroke.

Kienu għall-ħabta tal-għaxra u nofs tal-Ġimgħa filgħaxija, meta waqt rondi li kienu qegħdin isiru fl-akwati ta’ Pembroke, b’rabta ma’ attività tal-halloween, il-Pulizija nnutaw BMW tinstaq b’manjiera perikoluża fi Triq Tobruk fejn kienu qegħdin jaqsmu tfal u adoloxxenti, b’periklu kbir għalihom.

B’hekk il-pulizija ordnaw lix-xufier biex jieqaf ħalli jkellmuh. Minflokk, il-vettura nstaqet b’veloċità kbira qalb zona residenzjali, f’karreġjati opposti u anke f’toroq ‘one way’, fejn ukoll dak il-ħin kien hemm hemm numru ta’ tfal u ġenituri.

Il-karozza baqgħet tinstaq lejn il-Bajja ta’ San Ġorġ, fejn din tħalliet abbandunata bix-xufier ħarab bil-ġiri minn fuq il-post. Madankollu huwa ġie arrestat ftit mumenti biss wara.

Iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija l-Floriana u mistenni jitressaq il-Qorti, is-Sibt għal xi nofsinhar quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea.