Lokali

Abela jibqa’ f’diskors mimli attakki u negattività

Il-Mexxej Laburista Robert Abela għażel li jattakka  għal aktar minn darba lill-Partit Nazzjonalista, f’diskors quddiem il-miġemgħa nies fl-Orpheum tal-Gżira, intiż sempliċiment biex ikompli jiffumenta mibgħeda lejn l-avversarju politiku tiegħu.

Diskors li jittanta jwaqqa’ għar-redikolu l-avversarju tiegħu – diskors intiż mhux biss li jimmina l-kredibbiltà tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg – iżda saħansitra jiżuffjetta bl-eks Prim Ministru Nazzjonalista Lawrence Gonzi.

L-istess Prim Ministru li f’sinjal ċar ta’ għaqda politiku kien qiegħed bħala President ta’ Malta lill-eks Deputat Mexxej Laburista George Abela – ironikament missier il-Prim Ministru attwali – spiċċa attakkat minn Robert Abela f’diskors li jmur lil’hinn minn xi tip ta’ għaqda bejn iż-żewġ partiti fil-Parlament.

Ġimgħa ilu l-eks Deputat Laburista Franco Mercieca għamilha ċara u tonda sabiex il-Labour joħroġ l-id tal-ħbiberija mal-avversarju tiegħu, bil-għan li din il-mentalità ta’ tribù tieqaf.

Madanakollu għal Ħadd ieħor, Abela għażel li jattakka, jimmina u jiżżufjetta – quddiem il-miġemgħa li nġabret fis-sala tal-Orpheum.

Ġimgħa wara l-budget, in-nies għadhom qed jistaqsu x’soluzzjonijiet tanġibbli qed joffri dan il-Gvern għall-akbar inkwiet li għandhom – it-traffiku, l-infrastruttura, iż-żieda fil-popolazzjoni li ġab unikament Gvern Laburista, in-nuqqas ta’ viżjoni fit-tul.

Oħrajn iħossuhom minsija minn dan il-budget – bil-Prim Ministru jgħidilhom li li kellu jtihom tahulhom is-sena l-oħra.

Budget li ffoka biss fuq kif il-Maltin u l-Għawdxin se jkollhom il-finanzi biex jitħajru jkattru aktar tfal – madanakollu bosta qed jisħqu li l-flus mhux kollox – b’diversi esperti jisħqu li l-flus iridu jimxu id f’id mal-ħin li koppja jqattgħu flimkien u ma’ uliedhom.

Budget li Robert Abela, kif inhu mistenni jħabbat fuq sidru li huwa l-aqwa fl-istorja, madanakollu budget ippreżentat minn dan il-Gvern li sfortunatament naqas milli jindirizza l-isfidi ta’ kuljum li jħabbat wiċċu miegħu kuljum iċ-ċittadin, il-familji, il-koppji, il-Maltin u l-Għawdxin bl-ansjetà u l-pressjonijiet jiżdiedu mingħajr ebda sinjal li xi ħadd fit-tmexxija tal-pajjiż se joħroġ b’soluzzjonijeit biex itaffuhomlhom.