Internazzjonali

Disa’ persuni fil-periklu tal-mewt wara attakk b’sikkina fuq ferrovija fir-Renju Unit

Is-Sibt filgħaxija, disa’ persuni spiċċaw jissieltu għal ħajjithom wara li ġew feruti b’sikkina bil-ponta fuq ferrovija.

L-inċident seħħ meta l-ferrovija kienet qed tivvjaġġa minn Doncaster sa London King’s Cross u twaqqfet f’Huntingdon station f’Cambridge għall-ħabta tat-7.40 ta’ filgħaxija,

Il-pulizija qalet li raġel armat b’sikkina kbira wettaq attakk vjolenti ftit wara li l-ferrovija telqet minn Peterborough. L-uffiċjali użaw taser għal wieħed mis-suspettati, u żewġ persuni ġew arrestati aktar tard. B’kollox, għaxar persuni ttieħdu l-isptar, disgħa minnhom jinsabu f’kundizzjoni kritika.

Il-Prim Ministru Keir Starmer qal li l-attakk kien “inkwetanti mmens” filwaqt li s-Segretarju tal-Intern Shabana Mahmood ħeġġeġ lill-pubbliku biex jevita ż-żona.Pulizija u paramediċi aġixxew malajr għal dak li x-xhieda ddeskrivew bħala “xena orribbli”.