Għada se nkun qed inwassal il-viżjoni tagħna għal dan il-pajjż. Fil-Parlament se nkun qed nitkellem f’isem dawk li qed isofru, f’isem dawk li għandhom bżonn l-għajnuna, f’isem dawk li jridu jerġgħu jaraw tama ġdida f’dan il-pajjiż. F’isem dawk li dan il-Gvern nesiehom.
Għada se nkun qed nuri kif, tiġi meta tiġi l-elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista lest biex ikun gvern alternattiv.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta dalgħodu, fi Pjazza Sant’Anna f’Tas-Sliema, kien intervistat miċ-Chief Operations Officer u Editur ta’ MaltaDaily Keane Cutajar f’attività politika oħra mis-sensiela “Qrib Tagħkom” lejliet li jwieġeb għall-budget fil-Parlament.
Il-Kap tal-PN tenna kif filwaqt li l-Budget 2026 kien fih miżuri tajbin bħat-tnaqqis fl-income tax għall-ġenituri – anke jekk dan ħalla barra persuni single, ġenituri bi tfal kbar u pensjonanti waqt li mhux se jħalli fil-bwiet tan-nies daqskemm kienet tħalli l-proposta tal-PN li l-Gvern ikkopja – xorta ma ġiex indirizzat l-akbar inwiet tan-nies: it-traffiku, il-kjuwijiet fl-isptarijiet, il-waiting lists, il-mediċini out-of-stock u l-għoli tal-ħajja.
Hu qal li ma nistgħux nistennew aktar biex dawn il-problemi jiġu solvuti u hemm bżonn malajr kemm jista’ jkun ta’ mudell ekonomiku ġdid li ma jibqax jibbaża l-ekonomija tagħna fuq l-importazzjoni ta’ eluf ta’ barranin kull sena biċ-cheap labour, imma li jkollna setturi ekonomiċi ġodda ta’ kwalità li jkabbru l-ekonomija tagħna.
Dwar is-sistema tat-trasport tal-massa, il-Kap tal-PN reġa’ stieden lil Robert Abela biex jilqa’ l-istedina li għamillu għal ftehim biex dan il-proġett isir, ikun min ikun fil-gvern. Hu staqsa jekk il-Ministru għall-Finanzi jemminx f’dak li kien wiegħed il-Labour stess fil-programm elettorali tiegħu meta poġġa l-Metrò bħala proposta ewlenija, issa li mhux qed jaqbel ma’ sistema ta’ trasport tal-massa, u fakkar kif studju riċenti wera li t-traffiku qed jiswa lill-ekonomija u lill-pajjiż madwar €400 miljun fis-sena. Li hu żgur huwa li ma jistax ma jsir xejn u rridu npoġġu bilqiegħda biex naraw kif se nsolvu din il-kriżi.
Mistoqsi jistax ikun li forsi l-problemi l-kbar tal-pajjiż se jiġu indirizzati bil-Malta Vision 2050, Alex Borg fakkar li għandna Prim Ministru u Ministru għall-Finanzi li lanqas qed jaqblu pubblikament jekk pajjiżna għandux ikollu sistema ta’ trasport tal-massa, aħseb u ara kemm dan il-Gvern se jaqbel fuq pjan fit-tul permezz tal-Viżjoni 2050.
Il-Kap tal-PN kompla li hemm diversi metodi kif intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin, fosthom billi nieħdu inizjattivi li permezz tagħhom jitjieb il-bilanċ bejn il-ħin tax-xogħol u dak tat-tgawdija tal-ulied għax mhuwiex biss bil-flus li wieħed jgħix aħjar.
Dwar il-kritika tal-Partit Laburista għall-proposta tal-four-day-week, il-Kap tal-PN fakkar li hu ssuġġerixxa li jsir proġett pilota f’parti miċ-Ċivil biex naraw x’effett ikollu, u mbagħad issir diskussjoni fuq ir-riżultati. “Imma l-Partit Laburista sar il-Partit tal-Le. Clyde Caruana qalilna le mingħajr lanqas biss irid jagħmel proġett pilota biex ikollna t-tweġibiet. Dik hi d-differenza bejn iż-żewġ partiti – aħna nipproponu l-affarijiet għall-benefiċċju tan-nies u l-Labour jopponi sempliċiment għax hu kontra l-PN,” qal Alex Borg.
Suġġetti oħra diskussi b’rabta mal-budget kienu l-ħtieġa li jiġi rivedut il-mekkaniżmu li jiddetermina ż-żieda annwali għall-għoli tal-ħajja, li ma jistax ikun li tibqa’ tiġi intaxxata, inċentivi biex jgħinu lill-first-time buyers u żgħażagħ li jridu jsiru sidien ta’ djarhom u proposti li jindirizzaw it-tkabbir tal-popolazzjoni bla pjan.
Mistoqsi liema hi l-akbar bidla li jaħseb li għamel sa issa fil-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-PN qal li l-aktar bidla kbira li għamel hi bidla fil-mentalità, għax illum kulħadd jemmen li l-PN jista’ jimxi ’l quddiem u jsir partit rebbieħ. Bidla li minħabba fiha qed jersqu ħafna nies kuljum lejn il-PN – kemm nies li kienu involuti fil-passat u anke nies li qed jersqu lejn il-Partit għall-ewwel darba.
Alex Borg kompla li beħsiebu jkompli jiżgura li l-PN ikun dejjem aktar viċin in-nies u se jkompli jimplimenta dak li wiegħed fil-kampanja tiegħu għall-kariga ta’ Kap tal-PN. Bħalma għamel din il-ġimgħa meta ppubblika n-nefqa tiegħu għal din il-kampanja – fondi li ġew primarjament mill-fondi personali tal-familja imma wkoll minn attivitajiet soċjali li saru.
“Jien dak li nwiegħed, inwettqu. Wegħedt li se nippubblika l-ispejjeż u hekk għamilt, kuntrarju għal Robert Abela li sitt snin wara li laħaq Mexxej Laburista għadu lanqas ipubblika l-ispejjeż tal-kampanja tiegħu,” kompla l-Kap tal-PN, waqt li sfida lil Abela biex jippubblika r-rendikont tiegħu. “Aħjar tard milli qatt,” qal Alex Borg, waqt li qal ukoll li kif wiegħed fil-kampanja tiegħu, se jkun qed jara fl-ewwel 100 jum tiegħu fil-kariga l-Partit Nazzjonalista wkoll jippubblika l-kontijiet tiegħu.
Dwar l-ewwel xahrejn fil-kariga, Alex Borg qal li dawn kienu xahrejn impenjattivi ħafna fejn iltaqa’ ma’ ħafna nies, iddiskuta u sema’ l-weġgħat tagħhom. Imma kienu wkoll xahrejn li fihom ra tama ġdida titwieled f’għajnejn ħafna persuni.
Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar it-tisħiħ tal-messaġġ tal-PN sew permezz tal-media tradizzjonali imma wkoll bil-media soċjali u qal li intensifikat il-ħidma f’dan il-qasam li wkoll qed tgħin biex il-PN jilħaq dejjem aktar nies li qabel ma kienx qed jilħaq.
Alex Borg temm jgħid li huwa konvint li l-Partit Nazzjonalista kulma jmur se jkompli jsir gvern alternattiv, u mat-tim dejjem jikber ta’ nies li qed jibni l-PN biex ikun kapaċi jmexxi ’l-pajjiż, qed jiżdiedu kuljum il-Maltin u l-Għawdxin li jridu jaraw bidla fid-direzzjoni biex pajjiżna jkollu verament it-tmexxija li jixraqlu.
//= $special ?>

