Lokali

“Għax nemmen fit-trasparenza ppublikajt in-nefqa tal-elezzjoni għal Kap tal-PN, b’differenza għal Robert Abela”

Il-Prim Ministru Abela ilna sitt snin nistenewh jippublika n-nefqa tal-elezzjoni għall-Mexxej tal-Partit Laburista. Dan b’differenza għall Alex Borg li ppublika n-nefqa tal-elezzjoni għal-Kap f’Ottubru, propju kif kien wiegħed.

Din id-differenza bejn iż-żewġ partiti ħarġet bl-aktar mod ċar waqt attivita politika f’Tas-Sliema fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li hu qed jżomm mal-wegħdiet li għamel għax jemmen fit-trasparenza.

Alex Borg ikkonferma wkoll li fil-mitt jum tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa ħa jkun qed  jippublika l-kontijiet finanzjarji tal-Partit Nazzjonalista.

Ritratt: Catriel Farrugia

Waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalist indipendenti Keane Cutjar, Alex Borg għamel referenza wkoll għal budget u sostna li dan il-budget ma tax direzzjoni ċara ta’ fejn sejjer il-pajjiż.

Spjega li l-flus huma importanti però l-poplu hemm barra jaf li dawn mhux kollox. U għalhekk hemm bżonn ħajja ta’ kwalità  u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin liberu.

Kien hawn fejn għamel referenza għal pajjiżi madwar id-dinja fejn l-implimentazzjoni tal-4 day week kienet suċċess.

Ritratt: Catriel Farrugia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li hu mhux ħa jkun qed jieħu ż-żieda ta’ 1,700 għax din iż-żieda mhux waħda ġusta, hekk kif il-kumpalent tal-poplu kollu qed iħoss id-daqqa tal-ogħli tal-ħajja.

Intant, Alex Borg qal li hemm bżonn studju ta’ kemm hawn persuni barranin jaħdmu f’Malta u f’liema settur qed jaħdmu. Dan filwaqt li saħaq dwar l-importanza ta’ investiment fl-isptarijiet, fit-toroq u fil-flottot bejn Malta u Għawdex fost oħrajn.

Spjega kif bħala Partit Nazzjonalista ħareġ diversi proposti għal min jixtieq jixtri propjetà, hekk kif din hija waħda mill-ikbar sfidi taż-żgħażagħ.

Alex Borg qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħmel riforma fit-trasport tal-massa, fl-isptarijiet u fiż-żieda fil-popolazzjoni. Dan filwaqt li wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti l-libertà lil ġurnalisti biex dawn ikunu jistgħu jkomplu jagħmlu xogħolhom.

Stqarr li dawn ix-xahrejn bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista kienu xahrejn posittivi ħafna u għalhekk il-Partit Nazzjonalista huwa preparat biex jirbaħ l-elezzjoni li jmiss.

Preżenti għal din l-attività f’Tas-Sliema kien hemm ukoll is-Segretarju Generali tal-PN Charles Bonello   u l-Viċi Kap tal-PN Alex Perci Calascione diversi deputati u Kandidati tal-PN.