Basketball

Irġiel: Starlites Revive jerbħu t-tieni unur tal-istaġun

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Hibernians……………86

Starlites Revive…….95

(24-31)(16-17)(25-24)(21-23)

Fi tmiem ta’ finali mill-isbaħ, Starlites Revive għelbu lil Hibernians 95-86 biex rebħu il-John Tabone Shield għat-tieni unur tagħhom dan l-istaġun. Għal Starlites kienet ġurnata mill-aqwa hekk kif it-tlett timijiet tagħhom, tal-irġiel Amateur, tan-nisa u tal-irġiel rebħu t-tlett finali tas-shield li ħadu sehem fihom. Starlites kellhom persentaġġ aħjar fit-trippli fil-waqt li l-players li daħlu minn fuq il-bank kellhom kontribut tajjem ferm meta għamlu 24 punt fil-waqt li dawk tal-Hibs kellhom biss disgħa. Il-prestazzjoni mill-aqwa ta’ Deonte Jackson (40 punt, 8 rebounds, 4 assists u 5 steals) ma kienetx biżżejjed biex iżommu l-unur li rebħu l-istaġun li għadda. Il-partita kellha bidu bilanċjat bi Starlites ikollhom trippla minn Jayden Iturmendi u fit-tielet minuta marru 10-8 minn fuq. Huma żammew vantaġġ ta’ 4 punti sas-sitt minuta 16-12 qabel ma Hibs għamlu 5 punti mingħajr risposta li waslu kollha minn Jackson. Starlites reġgħu feġġew fuq quddiem bi trippli ta’ Ian Felice Pace u fetħu vantaġġ ta’ 10 punti. Fl-aħħar azzjoni tas-sessjoni Jackson naqqas id-distakk 24-31. Trippla minn Travis Fee fetħet it-tieni perjodu bil-Hibs jirrispondu permezz ta’ Ivan Demcesen u Elijah Simmons. Fee għamel trippla oħra għal Starlites flimkien ma’ Matthew Scerri u fit-tmien minuta Starlites fetħu vantaġġ massimu ta’ 15 -il punt 48-33. Hawn Jackson għamel seba’ punti mingħajr risposta bi trippla biex Starlites daħlu jistrieħu 48-40 minn fuq.

Wara l-intervall, il-partita kompliet tisbieħ hekk kif sar-raba’ minuta Hibs naqqsu d-distakk għal punt 51-52 wara punti minn Matthew Gouder u trippla ta’ Jackson. Hawn Starlites urew karattru meta għamlu break ta’ 9-0 bi trippla ta’ Iturmendi u reġgħu marru 10 minn fuq. Hibs kellhom risposta mmedjata b’żewġ trippli konsekuttivi minn Gouder però sa’ tmiem it-taqsima, Starlites żammew vantaġġ ta’ seba’ punti 72-65. L-aħħar taqsima Hibs naqqsu d-distakk bit-tielet trippla ta’ Gouder però Starlites kellhom mument tajjeb bi break ta’ 8-0 bi trippla ta’ Alec Felice Pace biex reġgħu marru 14 minn fuq 86-72. Hibs għamlu sforz ieħor u għaqqdu run ta’ 12-2 bil-punti ta’ Demcesen u trippla ta’ Neil Cassar. Iturmendi għamel trippla kruċjali b’minuta u nofs mit-tmiem il-partita li temmet it-tamiet tal-Pawlisti li jsalvaw il-partita. Minkejja l-aħħar punti ta’ Jackson, kienu Starlites li ħarġu rebbieħa 95-86 biex rebħu s-Shield għas-sitt darba fl-istorja tagħhom. Fi tmiem il-partita il-familjari tal-mibki John Tabone ippreżentaw it-trofew lill-players ta’ Starlites Matthew Scerri u Ian Felice Pace fost il-ferħ tal-partitarji tagħhom.

Hibernians: N. Cassar 8, E. Simmons 6, A. Ajiyobe 9, L. Attard, P. Stelmach, V. Kustudija, M. Gouder 17, D. Jackson 40, M. Attard, T. Gjurovski, I. Demcesen 6, S. Simic.

Starlites Revive: A. Felice Pace 10, K. Fabri, T. Fee 24, A. Aquilina, G. Camilleri, I. Felice Pace 10, M. Fabri, Z. Said Hollier, M. Scerri 5, J. Iturmendi 18, J. Threadgill 14, M. Jallow 14.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Miguel De Flavia.