L-iskwadri għall-emerġenzi Taljani, fl-aħħar sigħat, irkupraw l-aħħar katavri minn fost grupp ta’ ħames Ġermaniżi li kienu qalb iz-zona tal-muntanji ta’ Ortler, fir-reġjun ta’ Tirol f’Isfel, fl-Italja.
Dan fost il-konferma li l-ħames mountaineers tilfu ħajjithom meta ġarrithom valanga u meta l-vittmi jinkludu missier u bintu ta’ 17-il sena…..It-tlett katavri l-oħra kienu rkuprati bejn nhar is-Sibt u l-Ħadd.
Skont l-awtoritjiet li jwieġbu għall-emerġenzi qalb il-muntanji, iċ-ċansijiet li jsalva xi ħadd mill-valanga sa mill-bidunett kien mill-aktar remoti…Dan ukoll meta l-isforzi biex huma jirkupraw il-katavri kellhom jispiċċaw sospiżi matul il-lejl u sakemm setgħu jkomplu dalgħodu.
Mifhum li l-missier u bintu spiċċaw waqgħu għal fond ta’ 200 metru wara li ntlaqtu minn ‘ħajt ta’ borra miexja’ waqt il-valanga. L-inċident seħħ ilbieraħ wara nofsinar meta l-grupp ta’ ħamsa kien tela’ sa għoli ta’ 3,200 metru fuq il-muntanja Vertainspitze.
Sadanittant, l-awtoritajiet qed jiġbru d-dettalji dwar il-vittmi waqt li qed isiru l-investigazzjonijiet relatati mat-traġedja.
//= $special ?>

