Internazzjonali

L-Ukrajna: Xitwa kiefra għall-poplu… bir-Russi jkomplu jattakkaw il-faċilitajiet tal-enerġija…

Ritratt: The Irish Times

Il-qawwiet tar-Russja komplew bil-kampanja ta’ attakki fuq l-infrastruttura ċivili tal-Ukrajna u bl-azzjonijiet jikkonċentraw l-aktar fuq is-settur tal-enerġija. Dan dejjem bil-ħsieb li jiċħdu lill-popolazzjoni Ukrena mill-mezzi għas-sħana aktar ma bdew jiddominaw l-elementi kiefra tax-xitwa.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, għal darb’oħra kkundanna dawn l-azzjonijiet li fissirhom bħala ‘terroriżmu mis-sema’. Hu sostna wkoll li l-qawwiet Russi laqtu anki r-residenzi taċ-ċittadini f’numru ta’ reġjuni tal-Ukrajna.

Wieħed mill-attakki sewa l-ħajja ta’ numru mhux determinat ta’ ċivili meta d-drones sparati mir-Russja laqtu numru ta’ trakkijiet li splodew b’konsegwenza.

L-attakk inkwistjoni seħħ fir-reġjun ta’ Odesa – bl-Ukreni, fl-aħħar sigħat, jikkonfermaw li r-Russja, matul il-lejl tas-Sibt, sparat madwar mitt drone lejn l-artijiet tagħhom, minbarra numru missili ballistiċi tat-tip Iskander-M.

Attakk ieħor sinifikanti, fl-aħħar sigħat, kien fuq ir-reġjun ta’ Zaporizhzhia li wkoll intlaqat mid-drones u l-missili tar-Russja. L-azzjoni ħalliet numru ta’ midruba, b’aktar minn 60,000 jispiċċaw mingħajr provvista tad-dawl.

Intant, id-difiżi tal-Ukreni rnexxielhom jinterċettaw u jwaqqgħu numru mhux ħażin minn dawn id-drones.

Il-kumpanija nazzjonali Ukrenergo, li tipprovdi s-sorsi tal-enerġija lill-poplu, ikkonfermat il-qtugħ tad-dawl għal reġjuni sħaħ tal-Ukrajna u meta s-sitwazzjoni kellha tkompli għal żmien indefinittiv.