Il-Pulizija Britannika qed teskludi li attakk xokkanti li seħħ fil-lejl tas-Sibt fuq ferrovija seta’ kien parti minn xi pjan terroristiku….Il-ferrovija kienet għaddejja bi vjaġġ lejn Londra u meta f’ħin għall-għarrieda, numru ta’ passiġġieri spiċċaw aggrediti u feruti minn daqqiet ta’ sikkina. Il-Pulizija, wara, ikkonfermaw li talanqas ħdax sfaw midruba – b’uħud ikunu konfermati f’qagħda kritika.
Sadanittant, il-Pulizija Metropolitana qed iżżomm lil żewġ irġiel suspettati biex jgħinuha bl-investigazzjonijiet inizjali – kif ukoll biex jinstab il-veru mottiv għall-attakk.
Fl-investigazzjoni ħadu sehem anki l-Pulizija mat-taqsimiet tal-British Counter Terrorism u li, maż-żmien, iddeterminaw li l-attakk li xxokkja lill-pajjiż kollu ma twettaqx minn terroristi.
L-attakk seħħ ftit wara li l-ferrovija kienet telqet minn Doncaster fuq ir-rotta tal-Istazzjon ta’ King’s Cross, f’Londra. Intant, l-uffiċjali mal-Pulizija ta’ Cambridgeshire li wieġbu għat-telefonati urġenti telgħu fuq il-ferrovija fejn ikkontrollaw is-sitwazzjoni u żammew żewġ irġiel taħt arrest.
Dan meta l-ferrovija għamlet waqfa ta’ emerġenza fl-Istazzjon ta’ Huntington u fejn seħħ minnufih ir-rapid response tal-pulizija armati – b’uffiċjal minnhom juża taser fuq wieħed mis-suspettati.Il-passiġġieri, imbagħad, ittellgħu fuq numru ta’ xarabanks li wassluhom lejn id-distrett ta’ King’s Cross.
Intant, iż-żewġ suspettati huma identifikati bħala ċittadini Britanniċi mwielda fir-Renju Unit. U kollox jindika li, ‘il quddiem, għandhom jitressqulhom akkużi dwar attentat ta’ omiċidju
L-ogħla uffiċjali mal-Gvern Britanniku qed isegwu l-iżviluppi tal-każ, bil-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, jesprimi simpatija mal-familji tal-midruba, filwaqt li fisser l-inċident bħala wieħed ‘terribbli’.
Min-naħa tagħha, il-Ministru tat-Trasport Britanniku, Heidi Alexander, qalet li f’dawn is-sigħat, il-passiġġieri għandhom jaraw ‘preżenza ħafna akbar mis-soltu tal-pulizija’ fl-istazzjonijiet tal-ferrovija u anki fuq il-ferroviji infushom…Dan biex il-pubbliku jserraħ rasu mil-livell ogħla tas-sigurtà fid-dawl taċ-ċirkustanzi.
Heidi Alexander sostniet li l-Pulizija tal-British Transport qegħdin jaġġornawha kontinwament dwar dak kollu li għaddej bħalissa f’numru ta’ stazzjonjiiet tal-ferrovija ewlenin – u meta l-istess pulizija, fl-aħħar sigħat, ippermettew biex it-traffiku juża mill-ġdid iz-zona ta’ Huntington.
//= $special ?>

