Huwa tal-mistħija kif il-Prim Ministru Robert Abela llum ipprova jinqeda b’materja ta’ interess nazzjonali biex ikompli jirrepeti l-gidba li ħareġ biha s-Super One lbieraħ li l-Partit Nazzjonalista b’xi mod mhux se jikkontribwixxi għall-Viżjoni Malta 2050.
Dan meta jaf li l-Oppożizzjoni kellha laqgħa skedata mal-Ministru responsabbli biex tagħti l-osservazzjonijiet u l-proposti tagħha qabel l-iskadenza tal-proċess ta’ konsultazzjoni, imma din il-laqgħa ġiet posposta mill-Gvern stess, mhux mill-Partit Nazzjonalista.
Issa, iż-żewġ naħat se jiltaqgħu ġimgħa u nofs oħra, f’data ġdida li ngħatat lill-PN.
Jew il-Prim Ministru ma jitkellimx mal-Ministru għall-Ekonomija, inkella jippreferi jkompli jqarraq biex mingħalih jiskorja xi punti politiċi billi jigdeb dwar l-Oppożizzjoni.
Dalgħodu Robert Abela akkuża lill-Oppożizzjoni li ma pprovdietx feedback bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-Viżjoni 2050meta l-Prim Ministru suppost jaf ukoll li hemm ftehim li l-Partit Nazzjonalista l-ewwel jippreżenta s-sottomissjonijiet tiegħu lill-Gvern qabel ma dawn jiġu pubblikati.
Tant hu hekk li fit-12 ta’ Novembru – id-data l-ġdida maqbula wara li l-laqgħa li kellha ssir f’Ottubru ġiet posposta għal Novembru mill-Gvern – id-delegazzjoni tal-Oppożizzjoni se tkun qed tagħmel preżentazzjoni lir-rappreżentanti tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u tal-Ministeru għall-Ekonomija dwar il-pożizzjoni tal-PN fuq il-Viżjoni 2050 qabel ma din tkun ippubblikata.
Dan il-laqgħa se tirreċiproka oħra simili li kienet saret aktar kmieni meta l-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi kien ippreżenta d-dettalji dwar il-Viżjoni Malta 2050 lil delegazzjoni tal-PN.
Dakinhar kien intlaħaq ftehim li l-Partit Nazzjonalista jimxi bl-istess mod kif mexa l-Ministeru, bil-preżentazzjoni tal-PN se ssir fil-laqgħa ta’ għaxart ijiem oħra.
Huwa ċar li dak ta’ dalgħodu ma kien xejn ħlief attentat minn Abela biex jipprova jirbaħ xi punti politiċi billi jdawwar kwistjoni ta’ interess nazzjonali f’waħda partiġjana.
Dalgħodu Robert Abela gideb ukoll meta qal li mhux minnu li l-Gvern Laburista naqqas l-infiq kapitali f’dan il-budget. L-estimi finanzjarji ppubblikati mill-Gvern tiegħu stess juru b’mod ċar tnaqqis fin-nefqa kapitali ta’ aktar minn €100 miljun meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
Minflok jiffaċċja l-verità, Robert Abela mar lura aktar minn għaxar snin biex jipprova jqarraq bin-nies, u qabbel mal-2013 minflok man-nefqa kapitali ta’ sena ilu. Donnu Abela nesa li l-Labour ilu fil-gvern kważi 15-il sena.
Filwaqt li l-familji Maltin u Għawdxin il-ħin kollu jħossu l-piż tal-għoli tal-ħajja u n-nuqqas ta’ pjan għall-futur, il-Prim Ministru qed ikompli jagħżel li jivvinta stejjer biex jipprova jidfen il-fallimenti tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lil Robert Abela biex ikun onest mal-poplu Malti u Għawdxi u mhux jgħid affarijiet li jaf li mhumiex minnhom biex mingħalih jirbaħ punti politiċi sempliċiment għax qiegħed f’paniku.
Il-PN se jkompli jressaq proposti serji u ġenwini għall-futur tal-pajjiż, u fl-istess ħin mhu se jħalli lil ħadd jigdeb jew idawwar il-fatti biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ viżjoni ta’ dan il-Gvern.
//= $special ?>

