Basketball Sport

Nisa: Suċċess għal Starlites Revive fil-finali tal-John Tabone Shield

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Starlites Revive……………53

Caffè Moak Luxol……….51

(14-9)(17-14)(12-14)(10-14)

Starlites Revive huma r-rebbieħa tal-John Tabone Shield meta għelbu lil Caffe Moak Luxol 53-51 f’partita intensa sal-aħħar minuti. Minkejja logħba bilanċjata bi ħdax-il bidla fil-vantaġġ, Starlites kienu aktar effettivi fiż-żona (45% kontra 41%) u sfruttaw aħjar il-fast breaks. It-tim ta’ Christina Curmi żamm kontroll difensiv fil-waqt li Philippa Riolo kienet kruċjali fil-mumenti deċiżivi b’wirja ta’ enerġija u preċiżjoni speċjalmefit-tieni nofs. Għalkemm Luxol rebħu fir-rebounds (46 kontra 39), Starlites kellhom aktar konsistenza fit-tmexxija tal-ballun u żammew il-vantaġġ minimu sat-tmiem. Dawn iż-żewġ timijiet kienu diġa ltaqgħu fil-fażi tal-gruppi fejn dakinhar Starlites kienu ħarġu rebbieħa 63-57. Starlites kellhom nieqsa lil Mariah Fenech però rkupraw lil Julia Dabic fil-waqt li Luxol kienu bl-istess formazzjoni tas-semifinali hekk kif irkupraw ukoll lil Lisa Fenech Pace. Il-partita kellha bidu kwiet fejn l-ewwel punti primarjament ġew minn free-throws għalkemm Luxol kellhom trippla tal-Amerikana Olivia Wikstrom. Starlites komplew bil-punti ta’ Dabic u Becky Naudi però kellhom jibdlu lil Georgia Haverlock li kkomettiet it-tieni foul. Fl-aħħar 10 sekondi sar basket fuq kull naħa minn Sarah Fenech Pace u Naudi għal skor ta’ 14-9 fi tmiem l-ewwel sessjoni. Fil-bidu tat-tieni perjodu Luxol naqqsu d-distakk għal punt għal darbtejn u basket ta’ Wikstrom poġġihom 19-18 minn fuq.  Starlites wieġbui bi trippla ta’ Philippa Riolo biex fit-tmien minuta kien hemm parita ta’ 23-23. Kien imiss lil Mikela Riolo li tagħmel trippla għal Starlites segwit minn basket ieħor ta’ P. Riolo b’Roderick Vella jsejjaħ time-out biex iwaqqfilhom ir-run. Dan però ma rriżultax hekk kif Starlites komplew bil-punti tal-kuġini Riolo u daħlu jistrieħu 31-23 minn fuq. Luxol fetħu t-tielet perjodu bi trippla ta’ Jada Said  u komplew b’baskets ta’ Sarah Fenech Pace u Sarah Sciberras f’run ta’ 7-0 biex waslu sa’ punt ‘l bogħod f’inqas minuti. Starlites wieġbu permezz ta’ Haverlock u Dabic biex reġgħu marru sebgħa minn fuq 39-32. Luxol kellhom il-punti ta’ Wikstrom għalkemm kien hemm Sarah Fenech Pace fuq ir-raba’ foul. It-taqsima għalqet b’basket fuq kull naħa biex Starlites baqgħu 6 minn fuq 43-37. Luxol ħadu daqqa ta’ ħarta fil-bidu tal-aħħar sessjoni meta tilfu lil S. Fenech Pace bil-ħames foul hekk kif bdew jgħaġġlu fil-konklużjonijiet tagħhom. Kienet Vanya Baldacchino li bi trippla wasslet lil Luxol sa’ basket ‘l bogħod iżda l-fouls ta’ Luxol bdew jissarfu fi free-throws mill-players ta’ Starlites. Baldacchino poġġiet lil vjola minn fuq fil-bidu tal-aħħar tlett minuti wara diversi minuti jiġru wara l-avversarji. P. Riolo u Dabic reġgħu poġġew lil Starlites minn fuq b’minuta u 31 sekonda fuq l-arloġġ iżda fl-attakk suċċessiv Wikstrom ippareġjat bi trippla. L-aħħar żewġ free-throws ta’ M. Riolo kienu deċisivi għar-riżultat finali hekk kif Luxol ma rnexxielhomx jiskurjaw fl-aħħar attakk u Starlites ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 53-51. Fi tmiem il-partita s-Sinjura Catherine Tabone flimkien ma’ John John Tabone ippreżentaw it-trofew tal-John Tabone Shield lil captain ta’ Starlites Mikela Riolo fost ferħ kbir tal-players u l-partitarji. 

Starlites Revive: Y. Ferrando, M. Riolo 10, C. Cilia 2, P. Riolo 19, A. Cassar Seguna, S. Abugrin, R. Naudi 5, G. Haverlock 5, J. Formosa, L. Zammit, K. Gatt, J. Dabic 12.

Caffè Moak Luxol: G. Carabott , K. Magro, E. Axisa, L. Fenech Pace 2, H. Galea, R. Fenech Pace 4, J. Said 3, E. Abela, S. Fenech Pace 8, O. Wikstrom 27, V. Baldacchino 5, S. Sciberras 2.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Miguel De Flavia,Nestor Rincon