Futbol Sport

West Ham United u Manchester City jirritornaw għar-rebħ

(Ritratt: EPA)

West Ham United irritornaw lura għar-rebħ meta fil-London Stadium wettqu prestazzjoni mill-aqwa taħt it-tmexxija ta’ Nuno Espirito Santo biex kisbu t-tieni rebħa staġjonali hekk kif għelbu lil Newcastle United 3-1.

Il-Magpies bdew fuq sieq tajba hekk kif fetħu l-iskor wara 4 minuti permezz ta’ Jacob Murphy, madankollu gowl mill-isbaħ tal-midfielder Brażiljan Lucas Paqueta jġib l-iskor indaqs.

Sven Botman fil-45 minuta xeħet fix-xibka tiegħu stess biex il-Hammers daħlu jistrieħu fil-vantaġġ.

Tomas Soucker fis-97 minuta jiskorja t-tielet gowl biex West Ham United jieħdu t-tlett punti.

Manchester City lura għar-rebħ fil-Premier League wara t-telfa kontra Aston Villa meta għelbu lil Bournemouth 3-1 fl-Etihad Stadium. Dan ir-riżultat iħalli lil Arsenal jokkuppaw l-ewwel post fil-klassifika tal-Premier League mingħajr ebda pressjoni u b’distakk ta’ 7 punti wara l-ewwel 10 logħbiet.

Erling Haaland jiskorja l-ewwel gowl tal-partita meta b’ħarba veloċi mill-passs ta’ Cherki xeħet ġewwa.

Fil-25 minuta, Bournemouth jirrispondu permezz ta’ Tyler Adams li minn konfużjoni sħiħa fil-kaxxa tas-Citizens irnexxielu jdaħħal saqajh biex jegħleb lil Donnarumma.

Erling Haaland jerġa jagħti l-vantaġġ lis-Citizens fit-33 minuta, qabel Nico O’Reily jiskorja wara sieggħa logħob biex isiġilla r-rebħa.