Lokali Qorti

40 xahar ħabs fuq serqa minn anzjana u oħra minn ħanut tal-merċa

Simon Camilleri ta’ 59 sena kellu sentenza ta’ 40 xahar konfermata mill-Qorti tal-Appell fuq żewġ serqiet, waħda li seħħet filgħaxija f’Tas-Sliema, li fiha involviet attakk fuq koppja anzjana vulnerabbli ġewwa Tas-Sliema u oħra minn ħanut f’Raħal Ġdid.

Il-koppja, Antonietta Wirth ta’ 87 sena u Edgardo Wirth ta’ 91 sena, kienu qed jaslu lura mid-dar wara l-quddies meta Camilleri ħataf ġiżirana minn għonq Antonietta. Il-vittma stess rrakkontat kif waqt li kien qed jipprova jieħu l-ġiżirana, hu qabadha b’qawwa u ta daqqa fuq sidirha, waqt li raġel tagħha, Edgardo, pprova jintervjeni, iżda qala’ daqqa ta’ ponn u waqa’ mal-art u sofra ġrieħi gravi fuq idejh u wiċċu.

Il-Qorti semgħet, kif l-anzjana, flimkien ma’ żewġha, kienet għadha kemm ħarġet mill-Quddies fil-Knsija ta’ San Girgor, Tas-Sliema. Camilleri ħarab minn fuq il-post, imma viċin il-post, ċertu Patrick u Josette Camilleri, li raw kollox u setgħu jagħtu deskrizzjoni dettaljata ta’ Simon, inkluż l-età medja tiegħu, il-ħwejjeġ skuri, il-wiċċ mikxuf u xagħru griż fl-iswed.

Dwar is-serqa minn ħanut tal-merċa f’Raħal Ġdid, fil-Qorti, ħareġ li kienu żewġ persuni li daħlu jisirqu. Waqt li bdew jheddu lill-ħaddiema biex tagħthihom il-flus, hija rnexxielha tikxef parti minn wiċċ l-akkużat. Huma kienu telqu bi €330 f’idhom.

Il-pulizija eżaminaw filmati tas-CCTV mill-post u sabu lil Camilleri fil-ħin tal-aggressjoni, liebes slipper aħmar Nike distintiv. Il-filmati wrew ukoll id-dinamika tal-każ: Camilleri deher qrib il-post, jissorvelja u jintervjeni indirettament, u l-provi mill-ispettur tekniku Donald Tabone kkonfermaw li l-slipper aħmar instab fir-residenza tiegħu.

Fl-istess ħin, l-identifikazzjoni tal-vittmi kienet soda, partikolarment dik ta’ Josette Camilleri, li rikonoxxiet lil Simon b’ċertezza fl-awla tal-Qorti. Mhux biss kien involut f’dan il-każ, iżda Simon Camilleri kien ukoll kompliċi f’serqa minn ġewwa The Convenience Shop fil-Għajn Dwieli.

Tnejn mill-malviventi daħlu ġewwa biex jisirqu l-flus u ħarbu fil-vettura tiegħu. Filmati tas-CCTV wrew lil Simon jipprova jagħti sens ta’ normalità billi jidher li qed jagħti l-fuel lill-vettura, filwaqt li osserva l-ħanut u baqa’ jistenna sħabu.

Huwa dejjem innega li kellu l-għarfien tal-intenzjoni tagħhom, iżda l-Qorti qieset li l-azzjoni tiegħu, il-filmati, slipper aħmar, identifikazzjoni mill-vittmi u il-pożizzjoni tiegħu fil-kommissjoni tal-reat wrew li kien kompliċi u għen biex is-serqa tiġi kkummissjonata.

Simon Camilleri kien diġà reċidiv u kellu fedina penali voluminuża, u fil-passat kien ingħata opportunitajiet biex jirriforma ħajtu. Minkejja hekk, baqa’ jgħix ħajja kriminali u wettaq reati gravi, inkluż serqa bi vjolenza fuq persuni anzjani u vulnerabbli.

Għalhekk, il-Qorti tal-Appell Kriminali ma sabitx raġuni biex tbiddel is-sentenza ta’ 40 xhur ħabs imfassla mill-Ewwel Qorti, u ikkonfermat il-piena fl-intier tagħha.