Budget 2026 Lokali

Alex Borg jippreżenta proposta innovattiva li tagħti €5,000 għal kull wild

Kien diskors li preżenta viżjoni għall-ġid tal-poplu kollu – diskors li ffoka fuq il-familji, il-ħaddiema, l-anzjani u l-pensjonanti, iż-żgħażagħ u l-istudenti – diskors mimli enerġija u b’direzzjoni ċara għal pajjiżna.

Fid-diskors li wassal fil-Parlament, il-Kap tal-PN ma waqafx biss mal-kritika lejn il-Budget. Iżda ressaq xejn anqas minn 50 proposta.

Fosthom, li tibda konsultazzjoni fuq il-4-day week, incentivi vera għat-teleworking u reduced hours, u l-ħolqien ta’ ekonomija b’pagi aħjar. Dan apparti l-bini ta’ skejjel ġodda, u investiment fl-LSEs.

Issemmew mill-ġdid proposti importanti bħat-tneħħija tat-taxxa fuq l-ewwel 10,000 ewro minn part-time jew overtime…l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ trasport tal-massa…u l-bini ta’ sptar ġdid f’Għawdex.

Barra dan kollu, Alex Borg preżenta il-proposta ta’ Child Fund – fond għall-ġenituri, li fih il-Gvern jiddepożita €5,000 għal kull tifel u tifla. Biex imbgħad, il-fond ikun aċċessibbli meta t-tifel jew tifla jagħlqu 20 sena.

Dan ic-Child Trust Fund huwa investiment fit-tul lit-tfal Maltin u Għawdxin. Mezz strutturat li bih l-Istat juri solidarjetà ma’ kull ġenerazzjoni ġdida. Billi tingħata għotja finanzjarja fil-mument tat-twelid li tikber tul is-snin u tgħin lil dak il-wild meta jkun irid jilħaq il-milja tiegħu. B’hekk mhux ikun qed jagħti benefiċċju ta’ darba, imma qed joħloq pedament għall-futur b’opportunità u tama – li bih kull tifel u tifla jkunu jistgħu jistudjaw, jimirħu jew jsiru indipendenti bil-mod tagħhom meta jsiru adulti.

“Dan hu gvern alternattiv Nazzjonalista li bi ħsieb, bi pjan u b’qalb vera soċjali jaħseb iva fil-familji. Li jkun t’appoġġ tul it-trobbija tat-tfal. Li jagħti futur sod lil pajjiżna u lil uliedna”, sostna Alex Borg.