Roderick Cassar, l-eks raġel ta’ Bernice Cassar li nqatlet f’każ ta’ femiċidju li xxokkja lill-pajjiż kważi tliet snin ilu, se jkun qed jammetti l-qtil tagħha u f’każ li l-Imħallef jaċċetta t-talba konġunta tal-partijiet huwa se jkun qed jiskonta 40 sena ħabs.
Dan wara li ntlaħaq ftehim bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni għal piena ta’ 40 sena ħabs, iżda din il-kwistjoni tinsab issa f’idejn l-Imħallef Neville Camilleri li għandu jiddeċiedi jekk jaċċettax jew le r-rikors ta’ patteġġament li tressaq it-Tnejn fil-Qorti Kriminali. Il-proċess tal-ġuri kien mistenni jsir qabel it-tmiem din is-sena.
Bernice Cassar, li kellha 40 sena u kienet omm ta’ żewġt itfal, inqatlet nhar it-22 ta’ Novembru 2022 fiz-zona ta’ Corradino, waqt li kienet sejra għax-xogħol. L-akkużat, Roderick Cassar, ġie mixli bil-qtil tagħha u kien l-ewwel persuna f’Malta li ġiet akkużata b’femiċidju volontarju, reat li jikkostitwixxi forma aggravatata tal-qtil, wara l-emendi fil-Kodiċi Kriminali li daħlu fis-seħħ fl-2022.
Huwa qed jiffaċċja wkoll akkużi oħra serji li jinkludu li żamm lill-vittma kontra r-rieda tagħha, li uża vjolenza, inkluż vjolenza morali u psikoloġika, li uża arma tan-nar waqt li wettaq reat u li kellu arma mingħajr permess.
Barra minn hekk, huwa mixli b’serq, fastidju u ksur ta’ ordni ta’ probation. Sa issa kien għadu qed iwieġeb mhux ħati għal dawn l-akkużi, għalkemm issa jidher li qed jikkunsidra li jbiddel il-pożizzjoni tiegħu u jammetti l-qtil bħala parti minn ftehim mal-Avukat Ġenerali.
Wara jiem jekk mhux ġimgħat ta’ diskussjoni u wara li d-difiża avviċinat lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex tinbeda diskussjoni dwar sentenza ridotta, u l-parte civile ġiet infurmata b’dan l-iżvilupp, jidher li l-ftehim intlaħaq. Id-data tal-ġuri,kienet diġà ġiet iffissata u kollox jaqa’ f’postu sakemm l-Imħallef Neviller Camilleri li quddiemu se jsir il-ġuri jiddeċiedi dwar ir-rikors ta’ patteġġament.
Roderick Cassar kien diġà sfida l-validità legali tal-emendi li jintroduċu l-element aggravat ta’ femiċidju, iżda t-talbiet tiegħu ġew miċħuda. Huwa kien qed jikkontendi li l-femiċidju hu diskriminatorju. Hu ppreżenta wkoll diversi rikorsi għall-ħelsien mill-arrest li ġew ukoll miċħuda minn diversi qrati, minkejja l-argument tad-difiża li kien jissodisfa r-rekwiżiti legali għall-pleġġ.
Cassar, li huwa mill-Imqabba, kien arrestat fil-Qrendi wara kommunikazzjoni miegħu li damet madwar 17-il siegħa, meta l-Pulizija kellha tintervjeni bil-forza biex tidħol fl-appartament tiegħu. Il-vittma kienet ilha tfittex il-protezzjoni tal-awtoritajiet.
Qabel il-qtil tagħha, Bernice kienet ressqet diversi rapporti lill-Pulizija kontra l-eks raġel tagħha, u kellha ordni ta’ protezzjoni attiva li Cassar kien akkużat li kiser. Ftit jiem qabel inqatlet, l-avukat tagħha kien għamel appell lill-Pulizija biex jittieħdu passi kontra Cassar wara li kiser din l-ordni, iżda ma ttieħdet l-ebda azzjoni immedjata.
Wara l-qtil, ġiet ordnata inkjesta li kkonkludiet li s-“sistema tal-istat” kienet falliet lil Bernice Cassar. L-inkjesta kkonstatat nuqqasijiet serji fil-mod kif ġew trattati każijiet ta’ vjolenza domestika, u semmiet nuqqas ta’ riżorsi, piżijiet eċċessivi fuq il-Pulizija u nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-entitajiet responsabbli għall-protezzjoni tal-vittmi.
L-istess inkjesta għamlet numru ta’ rakkomandazzjonijiet, fosthom li jissaħħu t-Taqsimiet tal-Vjolenza Fomestika, li jiżdiedu r-riżorsi u li jitjiebu l-mekkaniżmi ta’ komunikazzjoni bejn il-Pulizija, is-servizzi soċjali u l-Qorti. Minn dak iż-żmien lil hawn in-numru ta’ każijiet dwar vjolenza domestika żdiedu bil-bosta.
Skont il-liġi Maltija, il-qtil volontarju jġorr piena massima ta’ għomor il-ħabs, iżda f’każ ta’ patteġġament jista’ jintlaħaq ftehim dwar piena mnaqqsa, jekk il-Qorti tqis li l-ftehim hu ġust u xieraq. Jekk il-Qorti taċċetta l-patteġġament, Cassar ikun ikkundannat għal 40 sena ħabs mingħajr il-bżonn ta’ ġuri. Jekk le, il-proċess kriminali jibqa’ għaddej u l-akkużat jiffaċċja s-sentenza massima ta’ għomor il-ħabs jekk jinstab ħati.
L-Avukati Angele Vella u Darlene Grima mill-Ufiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jassistu lill-Ispetturi Wayne Camilleri, Shaun Pawney u Paul Camilleri bħala prosekuturi. L-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri huma l-avukati difensuri. L-avukati Stefano Filletti, Marita Pace Dimech, Ann Marie Cutajar u Rodianne Sciberras huma parte civile.
//= $special ?>

