Lokali Parlament

Gvern Nazzjonalista ġdid joffri alternattiva mibnija fuq proposti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg sostna fil-parlament fid-diskors tiegħu ta’ tweġiba għall-budget li Gvern Nazzjonalista ġdid joffri alternittiva mibnija fuq proposti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies

Alex Borg qal li riżultat ta’ dan il-mudell ekonomiku tal-Gvern Laburista hawn madwar 100,000 persuna f’riskju ta’ faqar u esklużjoni b’numru kbir ta’ nies li jiddependu fuq il-food banks. Dan is-suppost l-aqwa budget fl-istorja ma ta xejn lil dawn in-nies.

Il-gvern ta żieda ta’ €4.66; żieda li minnha l-gvern se jieħu t-taxxa, sostna Alex Borg, li appella biex din iż-żieda ma tibqax tkun taxxabbli. Hu żgur hu li din iż-żieda ma tirriflettix l-għoli tal-ħajja. Din is-sistema tal-għoli tal-ħajja tindirizza biss affarijiet li huma inqas minn bażiċi. B’ekonomija bħal din qed jinċnentivaw biss lill-ħaddiema jaħdmu aktar. Iva xogħol hawn, xogħol li jikkumplimenta lill-familji le, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li ma nistgħux nibqgħu ngħixu biex naħdmu.

“Jien irrid Malta li tippermetti li l-ħaddiem jaħdem biex jgħix. Fejn il-ħaddiem igawdi l-familja, il-ħaddiem jgħix kuntent, il-ħaddiem ma jkollux għalfejn jaħdem overtime u part-time biex jagħmel kapriċċ, biex jiekol darba f’ġimgħa f’restaurant u biex isiefer safra ta’ darba f’sena”, sostna Alex Borg.Din hija ekonomija nġusta għax biex dan il-mudell isarraf, qed jisraq il-ħin mill-familji li jkunu flimkien, qed iżid il-piż dejjem jikber tat-traffiku, inaqqas is-sigurtà, jeqred l-ambjent naturali u soċjali u jżid il-pressjoni fuq is-saħħa mentali fost l-oħrajn.Ekonomija nġusta għaliex il-Gvern qed jiddiskrimina bejn il-ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol. Dan ma jistax jkun.

Ekonomija nġusta għax filwaqt li l-persons of trust fil-Ministeri jitħallsu l-għexieren tal-eluf ta’ ewro, il-ħaddiem Malti tħalla maqbud f’dinja tax-xogħol fejn irid jaħdem il-part-time u l-over-time biex jgħix u jkollu ħajja diċenti.

Filwaqt li dan il-Gvern ta €4.66 il-klabb tal-ministri ħa €1,700 fis-sena żieda jew aħjar madwar €33 fi-ġimgħa. Il-Ministri qed iħossu l-għoli tal-ħajja seba’ darbiet iktar minnek? Iva hemm bżonn kumpens xieraq għal min jersaq ‘il quddiem biex jservi lil pajjiżu, f’dan il-parlament u fis-sistema politika ta’ pajjiżna.

Il-Kap tal-PN qal li realistikament l-budget ma għinx lill-pensjonanti biżżejjed għax tawhom madwar €5 ewro. Il-Ministru tal-Finanzi qal li tahom €10 ewro fil-ġimgħa iżda ħeba li din hi nofs l-istess €4.66 tal-għoli tal-ħajja. Tafu kemm għolew il-mediċini? Tafu kemm għola l-ikel? Dawn mhux kappriċċi għall-anzjani tagħna, imma ħtiġijiet ta’ kuljum.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jiddispjaċih meta jara li fl-aħħar snin Gvern Laburista ġab ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna trietaq fejn batew is-self employed, iż-żgħażagħ li marru għal self bankarju u qalgħulu fwiedu u lil kull min sab ruħu quddiem kaxxier u spiċċa jaħseb li qiegħed quddiem pulizija jinterrogah.

Dan hu Gvern li bbaża l-ekonomija fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni bla pjan u bla rażan u fuq dejn li sploda taħt il-Prim Ministru Robert Abela u li ser ikun qed jilħaq l-€14–il biljun sas-sena 2028; Robert Abela ttripla d-dejn ta Malta.

Il-fatti huma li dan is-suppost l-aqwa budget, ma offriex tnaqqis ta’ taxxa lill-akbar faxxex tas-soċjetà tagħna; lill-anzjani, lill-persuni single, lill-familji bla tfal u lill-familji bi tfal li għandhom ‘il fuq minn 18-il sena u li waqfu mill-istudji tagħhom.

Alex Borg qal li kien Gvern Nazzjonalista li niżżel rata ta’ taxxa min 65% għal 35%. Dawn ħolqu mudell ekonomiku li huwa msejjes fuq it-tkabbir insostenibbli tal-popolazzjoni. Mudell ekonomiku mibni fuq it-tafal li qatgħalna n-nifs u ħatfilna l-ħin.

Hu qal li rridu ekonomija b’saħħitha għal uliedna imma rridu ġenituri li jsibu l-mezz u l-ħin li jrabbu lil uliedhom. Aħna bħala gvern alternattiv lill-familji ma rriduhomx ikollhom it-tfal u jieqfu hemm Prim Ministru. Li l-familji tagħna jgawdu lill-uliedhom rriduhom Prim Ministru. Hu qal li l-wegħda tat-tassazzjoni tal-kumpaniji ġiet minsija ukoll. Dan il-Gvern qed jipproġetta li l-ekonomija Maltija se tikber madwar 4% u min se jkabbarha l-ekonomija.

Għaldaqstant minn dan it-tkabbir, li hu kollu riżultat tal-għaqal tal-businessman u l-bżulija tal-ħaddiem Malti, il-Gvern mistenni jdaħħal aktar taxxi. Il-Malti qed jgħix f’mudell ekonomiku fejn sar diffiċli ħafna li jkun sid ta’ daru. Statistika uffiċjali turi li llum terz tal-poplu ma jaffordjax jixtri daru meta sa ftit żmien ilu din kienet il-prova tal-għaqal – ir-riżultat tal-bżulija.

Minkejja li dik il-bżulija għadha hemm, illum ħafna Maltin u l-Għawdxin mhux jirnexxilhom jixtru dar għal familthom. Skont statistika maħruġa mill-NSO jidher biċ-ċar li n-numru ta’ nies fil-kera fl-aħħar ħames snin irdoppja. Fl-2021 ir-rata ta’ dawk li kienu sidien ta’ djarhom kienet fil-livell ta’ 78% imma fl-2024 din niżlet għall-66%. Fi żmien gvern Nazzjonalista, fl-2011, tmienja minn kull 10 kienu sidien ta’ darhom bla dejn illum dawn niżla għal ħamsa minn kull 10; tnaqqis drastiku ta’ 30%.

Alex Borg qal li ħafna ġenituri, imwerwrin u wħud minnhom b’qalbhom maqtugħa jħossu il-pjaga tad-droga qed tinfirex bħall-marda u kull ma jmur qed tolqot aktar familji, tfal u żgħażagħ innoċenti. Hawn ġenituri jitolbu biex uliedhom ma jintilfux, biex ma jispiċċawx vittmi ta’ din is-sistema li falliet

Fejn hu l-kapitlu dwar it-traffiku, il-problema tal-waiting lists fl-isptar, l-viżjoni tat-Trasport tal-massa, il-bini tal-isptar mentali ġdid u tal-outpatient block. Dan il-budget kien fqir fl-investiment infrastrutturali relatat mal-edukazzjoni. Kien budget fqir ukoll fejn jidħlu l-għajnuniet lill-għalliema, fqir mis-soluzzjonijiet għal diversi sfidi fil-qasam edukattiv, bħan-nuqqas fl-LSEs u l-isfidi ta’ diversi tfal relatati man-newrodivergenza.

Il-Gvern mhux jinvesti fl-istudent biex itejjeb il-ħiliet tiegħu u biex ikun jista’ jidħol fid-dinja tax-xogħol. Nuqqas ta’ investiment fir-riżorsa umana hija turija ċara ta’ kemm Gvern Laburista m’għandux l-interess tal-Malti u l-Għawdxi fil-ħidma tiegħu. Dan il-gvern ma jemminx fl-investiment fl-Edukazzjoni. Fil-budget ma fih konkret dwar kif kull student ikollu dritt għat-tagħlim, kif kull skola f’Malta għandu jkollha kamra multi sensory, kif se jonqsu l-listi ta’ stennija quddiem is-CDAU jew l-istatementing board u kif se jissaħħu t-teams psiko-soċjali fl-iskejjel tal-istat, tal-knisja u indipendenti f’kuntest ta’ żieda ta’ popolazzjoni. Dan is-suppost l-aqwa budget lanqas hemm flus għal skola ġdida.

Alex Borg qal li hemm kaos fid-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei u f’setturi oħra tas-settur bħas-saħħa mentali.

Hu tkellem dwar Għawdex u qal li hi realtà li kull Għawdxi qed iħoss ta’ kuljum. Illum Gaħwdex hu gżira kaotika, fi stat ta’ telqa ġenerali frott in-nuqqas ta’ viżjoni u kompetenza fejn jixraq. Konsegwenza ta’ hekk hemm problemi ta’ traffiku, l-isptar għadu ma seħħx, problemi bin-Nicolaos, nuqqasijiet fit-toroq u fis-servizzi tas-saħħa, il-master plan ta’ Marsalforn u x-Xlendi ul-Mużew ta’ Għawdex.

Alex Borg qal li hemm diversi proġetti li ma twettqux u kompla li jkun Gvern Nazzjonalista li jinvetsi fis-setturi ewlenin f’Għawdex fosthom fit-trasport, l-ekonomija, it-traffiku, l-edukazzjoni, is-saħħa u t-turiżmu.

Alex Borg appella għal jan serju infrastrutturali li jinkludi investiment li jġib flimkien il-qasam tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-enerġija u l-ambjent.

Hu qal li għaddew tmien xhur mill-għeluq tal-ewwel sena finanzjarja tal-kumpanija l-ġdida tal-ajru iżda ma nstema’ xejn dwar ir-riżultati finanzjarji tagħha. Gvern Nazzjonalista kredibbli li ta’ ħajja lill-Air Malta u Gvern Laburista, bla direzzjoni għalaqha. F’pajjiż iġġamjat bit-traffiku, kjuwijiet biex ninqdew f’servizzi essenzjali ta’ kuljum, ma nistgħux nibqgħu nibbażaw fuq iż-żieda tan-nies biex indawru l-ekonomija.

Il-gvern ftaħar li “it-turiżmu kompla jissaħħa fl-2025 bil-wasla ta’ 2.2 miljun viżitatur fl-ewwel sebgħa xhur tas-sena, żieda ta’ 12.9%.” Li nibqgħu nżidu in-numru ta’ turisti mhux l-aħjar soluzzjoni. Iva ż-żieda fin-numru ta’ turisti forsi twassal għal aktar konsum. Però qed ikollna pajjiż fgat bil-massa ta’ nies, servizzi li ma jlaħħqux u Maltin li jħossuhom barranin f’darhom. Dan il-Gvern jeħtieġ li mhux jisma imma jagħti widen għal dawn il-karbiet. Dan il-budget, le, mhux joffri soluzzjonijiet għal dawn l-affarijiet, iżda qed jibqa’ ċass quddiem din ir-realtà, sostna Alex Borg.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li għandna nsaħħu l-promozzjoni ta’ pajjiżna, u b’hekk jirnexxielna nattiraw turisti li għandhom disposable income ogħla u għaldaqstant jonfqu ħafna aktar fl-ekonomija Maltija.

Alex Borg kkritika lill-gvern dwar l-ambjent u qal li Project Green sar Project Fail. Irridu spazji ħodor u miftuħa fiċ-ċentri tal-lokalitajiet tagħna. Irridu nimplimentaw proġetti t’afforestazzjoni u restawr ekoloġiku fil-bliet u fl-irħula tagħna. Permezz tat-titjib fl-ambjenit rurali u urbani tagħna rridu inbiddlu l-postijiet fejn ngħixu f’żoni sbieħ u li jilqgħu lil kulħadd, lit-tfal tagħna u lilna ż-żgħażagħ u l-anzjani u t-turisti li jiġu jżuruna. Aħna b’700 miljun Ewro fi proġetti ambjentali kommessi li nbiddlu wiċċ Malta, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li għandna Prim Ministru f’paniku, li dejjem ibeżża u ma jinvesti xejn fid-delizzji.

Fhiex waslet il-wegħda tal-villaġġ tal-Karnival, it-trakka tal-karozzi, is-sajjieda u dilettanti tal-opri tal-baħar, l-investimenti fi proġetti infrastrutturali fl-isports u l-għajnuna lil kull min jipprattika l-isport. Il-Partit Nazzjonalista, kien ghadu u jibqa favur id-delizzji. Taf min jeqridhom id-delizzji? Il-Gvern li kull rokna li hawn f’pajjiżna biegħha, sostna Alex Borg, li kompla li l-pajjiż spiċċajna b’lokalitajiet magħqudin ma’ xulxin u l-green belt ta’ bejn lokalità u oħra inqered darba għal dejjem. Il-familji Maltin u Għawdxin, li ma baqalhomx postijiet fejn jiehdu nifs. Dan is-suppost l-aqwa budget se jħalli t-traffiku se jisplodi l-popolazzjoni, se jżid l-għoli tal-ħajja mingħajr kumpens ġust, se jħalli sistema ta’ ippjanar falluta. Ser iħallina mingħajr proġetti ambjentali, mingħajr spazji rikreattivi, se jħalli ħaddiema ‘burnt out’ li jaħdmu minn filgħodu sa filgħaxija, ġenituri mingħajr ċans jaraw lil uliedhom u se jħalli wlied mingħajr ċans jaraw lill-ġenituri anzjani tagħhom.

Dan il-budget se jħalli se jħalli anzjani waħedhom, kjuwijiet u stennija fl-Emerġenza, waiting lists fl-isptar, mediċini out of stock,mingħajr sptar ġdid f’Għawdex, pensjonanti li se jibqgħu jaqilgħuha u jikluha waqt li min qed ibati minn saħħa mentali se jibqa’ mingħajr għajnuna denja. Dan filwaqt li se jibqa’ l- qtugħ tad-dawl, tfal mingħajr LSEs u dewmien esaġerat fil-qrati.

B’dan il-mudell ekonomiku, bilfors ikabbar l-ekonomija jrid sabiex jiffinanzja d-dejn li ħoloq hu stess. Il-ħaddiem Malti minn sena għall-oħra qed ikun imġiegħel jaħdem aktar sabiex l-ekonomija tibqa’ tikber. X’ma jirrifjutax li jiddiskuti l-4 day week il-Ministru! Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-PN qed jiżviluppa l-politika ta’ Gvern alternattiv Nazzjonalista, biex dak li jipproponi jkun msejjes fuq dak li jgħid il-poplu.