Lokali

Il-Gvern falla milli jiddefendi l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin

Il-Partit Nazzjonalista jieħu nota tal-istqarrija tal-Gvern dwar id-deċiżjoni tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (ICC), li kkonfermat li l-kuntratt ta’ Steward Healthcare kellu jiġi tterminat. Din id-deċiżjoni tkompli tikkonferma dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jgħid sa mill-bidu li l-kuntratt tal-isptarijiet kien frawdolenti.

It-tribunal internazzjonali rrikonoxxa li d-deċiżjonijiet tal-Qrati Maltin kienu ġusti. Ikkonferma wkoll id-deċiżjoni tal-Qorti fil-kawża li fetaħ l-eks Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia – sentenza li waqqgħet il-kuntrati kollha ma’ Vitals u Steward u nġiebu lura t-tliet sptarijiet.

Imma wara dan kollu l-Gvern falla milli jiddefendi l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi u naqas milli jġib lura l-flus li ntefqu f’dan id-deal frawdolenti.

Apparti minn hekk, waqt li ma bena jew irranġa l-ebda wieħed mit-tliet sptarijiet, il-Gvern ma rnexxielu jirbaħ xejn lura milli ħallset Malta wara li kien ftaħar li se jagħmel hekk permezz ta’ dan l-arbitraġġ. Mhux talli hekk imma talli se jkollu joħroġ madwar €5 miljun oħra li huma dovuti lil Steward Healthcare.

Il-fatt li l-Prim Ministru u l-Ministru għall-Finanzi ma rnexxielhom jirbħu lura l-ebda ċenteżmu juri li fallew. Dan ifisser li:

  • Ġejna misruqa taħt Gvern Laburista,
  • Kellna nirrikorru għall-Qrati Maltin biex inġibu lura l-isptarijiet,
  • U meta wasal iż-żmien li nibnu l-każ tagħna internazzjonalment, il-Gvern falla u ħalla lill-poplu bla rimedju.


Il-Partit Nazzjonalista jrid kliem ċar: il-poplu Malti għandu dritt jerġa’ jieħu lura l-flus tiegħu, mhux biss l-isptarijiet vojta u bla investiment.

Il-fatt li Gvern Laburista baqa’ jiddefendi dan il-ftehim sa l-aħħar u għamel minn kollox biex jgħatti għal Steward u l-kuntratt tagħhom, juri għaliex ma kellux il-kuraġġ politiku u morali biex imexxi każ b’saħħtu kontra min sfrutta lill-poplu.

Huwa biss Gvern ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista li jista’ jassigura li ssir ġustizzja sħiħa fuq il-ftehim tal-Vitals u Steward:

  • Billi jerġa’ jġib lura l-flus li ħallsu n-nies,
  • Billi jġiegħel lil min iffirma u ddefenda dan il-kuntratt jwieġeb għal għemilu, u
  • Billi jibni sistema tas-saħħa li tpoġġi l-pazjent, mhux l-interess privat, l-ewwel.

Il-każ tal-Vitals u Steward kien l-akbar skandlu ta’ korruzzjoni fl-istorja ta’ Malta, u llum għandna konferma oħra minn tribunal internazzjonali li l-poplu Malti kellu raġun. Sadanittant għadna mingħajr il-bini ta’ stpar ġenerali ġdid f’Għawdex, b’St Luke’s abbandunat u b’Karin Grech għadu ma ġiex restawrat.

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem biex Malta ma tibqax pajjiż fejn il-korruzzjoni tgħaddi minn fuq kulħadd.

Pajjiż li jagħti ġustizzja, trasparenza, u rispett lejn il-poplu.