Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg sostna fil-bidu tad-diskors tiegħu dwar il-budget fil-parlament li quddiem it-Tribunal tal-Arbitraġġ, il-gvern ma ġab l-ebda flus lura mingħand Vitals u Steward.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ftit tal-ħin ilu ħarġet stqarrija tal-Gvern li tikkonferma kif il-Gvern ma rnexxielux iġib sold lura mill-kuntratt ta’ Vitals u Steward. Dan bla ma ħadd ra s-sentenza l-Gvern ħareġ ikanta vittorja. Eżattament ta’ xhiex; ħadd ma fehem, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li f’dan il-kuntratt intefqu kważi €900 miljun, li €400 miljun minnhom kellhom imorru fl-isptarijiet.
Alex Borg sostna li min iżur sa l-Isptar ta’ Għawdex, Karen Grech u San Luqa; m’hemm ebda sptar ġdid. Dak il-fatt ma jista jmerih ħadd.
Skont il-Gvern, it-Tribunal tal-Arbitraġġ, stqarr li dan il-kuntratt kellu jitwaqqaf. Dan kien kuntratt li twaqqaf sforz sentenza tal-Qrati Maltin wara kawza li fetaħ Adrian Delia.
“Mela ieqfu għaddu n-nies minn għajn il-labra. Il-poplu Malti u Għawdxi għadu bla sptarijiet f’Għawdex, San Luqa u Karin Grech. Il-Prim Ministru wiegħdna li ser jiġbor flusna lura, skont kliemu stess sal-inqas ċenteżmu. Wiegħduna li kienu se jiddefendu lill-poplu Malti fl-arbitraġġ. Imma bqajna b’xejn. Anzi spiċċajna se jkollna nħallsu €5 miljuni oħra. X’iddefenda l-Gvern?, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni. Alex Borg esiġa li l-Gvern hu obbligat jispeċifika x’talbiet għamel u xi provi ressaq.


