Ambjent Lokali

Il-kampanja Ġustizzja Għal Artna tiċħad l-allegazzjonijiet li l-Gvern u l-NGOs waslu viċin ftehim dwar ir-Riforma tal-Ippjanar

Il-kampanja Ġustizzja Għal Artna tirreferi għal rapport ippubblikat mit-Times of Malta nhar il-Ħadd li għadda, bit-titlu “Revisions to planning law changes near, but key hurdle remains”, li ssuġġerixxa li l-Gvern u l-organizzazzjonijiet ambjentali kienu waslu viċin ta’ ftehim relatat mar-Riforma tal-Ippjanar tal-Gvern.

Il-kampanja tixtieq tikkjarifika li bħalissa m’għandhiex idea dwar il-bidliet li l-Gvern biħsiebu jagħmel fir-Riforma tal-Ippjanar, peress li l-ebda abbozz ma ġie ċirkolat.

Għaldaqstant, il-kampanja ma kinitx f’pożizzjoni li tirrevedi xi tibdil, u lanqas impenjat ruħha għal xi emendi jew ftehim.

Il-fatt li saru taħditiet mal-Gvern ma jfissirx li ntlaħaq xi ftehim.

Fin-nuqqas ta’ aktar informazzjoni, il-pożizzjoni tal-kampanja tibqa’ l-istess, jiġifieri li l-Abbozzi ta’ Liġi 143 u 144, kif ukoll il-legal notices relatati, għandhom jiġu rtirati.

Dan intqal fi stqarrija minn:

Ramblers’ Association of Malta

Flimkien Ghal Ambjent Ahjar

Friends of the Earth Malta

Moviment Graffitti

Birdlife Malta

Nature Trust Malta

Ghawdix

Wirt Ghawdex


Front Zghazagh Ghall-Ambjent