Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, annullat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati kontra Deborah Gaffiero, li kienet instabet ħatja li rrifjutat li tagħti aċċess lil missier binha minuri, skont ordni tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja).
L-ewwel Qorti kienet ikkundannata għal ġimgħa ħabs effettivi, iżda l-Qorti tal-Appell liberatha minn kull ħtija u piena wara li sabet li l-elementi tar-reat ma ġewx sodisfatti u li l-omm ma kinitx kisret ordni tal-qorti.
Il-każ imur lura għat-3 u 7 ta’ Awwissu 2018, meta Gaffiero ma wasslitx lil binha għall-aċċess mal-missier. Il-prosekuzzjoni qalet li kienet kisret digriet tal-Qorti Ċivili li kien jippermetti lill-missier jiltaqa’ ma’ ibnu għal tliet sigħat barra mill-bini tal-Aġenzija Appoġġ, taħt superviżjoni ta’ assistent soċjali. L-assistent soċjali Charmaine Zerafa kienet ix-xhud ewlieni fil-kawża, peress li kienet inkarigata tissorvelja dan l-aċċess.
Fil-proċess quddiem l-Ewwel Qorti, Gaffiero sostniet li qatt ma rrifjutat l-aċċess iżda kienet sempliċement ma qablitx mal-postijiet magħżula mill-missier, li kienu f’Ħal Far u fil-Mellieħa, għax kienu ‘l bogħod wisq minn fejn kienet tgħix u taħdem.
Qalet li kien fiżikament diffiċli tasal fil-ħin wara xogħol biex twassal lit-tifel, u offriet postijiet alternattivi eqreb, li kienu xorta jikkonformaw mad-digriet tal-Qorti li l-aċċess isir barra l-Appoġġ. Il-missier, min-naħa tiegħu, insista li l-postijiet jibqgħu dawk li hu għażel, u għalhekk l-aċċess tħassar.
L-Ewwel Qorti ma emmnitx lil Gaffiero, qalet li kienet qed toħloq skużi biex ma tagħtix aċċess, u sabitha ħatja li kisret ordni tal-qorti. Il-Qorti tal-Appell, madankollu, wara li eżaminat bir-reqqa l-provi u t-testimonjanzi, qieset li: Ma kien hemm ebda ordni ċivili li tistabbilixxi li l-aċċess kellu jsir fil-Mellieħa jew f’Ħal Far.
Il-“policy” interna tal-Aġenzija Appoġġ li tgħid li l-missier jagħżel il-post ma tifformax parti minn digriet tal-Qorti. L-omm ma rrifjutatx l-aċċess bħala att ta’ disubbidjenza, iżda kienet qed tiddiskuti postijiet alternattivi, u għalhekk ma kisret l-ebda dispożizzjoni tal-liġi.
Il-Qorti rrimarkat ukoll li ż-żewġ ġenituri kienu f’kunflitt kontinwu u li s-sitwazzjoni kienet ikkaratterizzata minn piki personali aktar milli minn konsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-minuri. F’dan il-kuntest, il-Qorti osservat li jekk l-Aġenzija Appoġġ kienet qed tiffaċċja diffikultajiet biex l-ordni tiġi eżegwita, kellha tirrikorri lura għand il-Qorti għal direzzjoni, u mhux tinforza politika interna mingħajr bażi legali.
Il-Qorti tal-Appell sabet li r-reat ma kienx jikkonfigura skont l-artikolu 338(ll) tal-Kodiċi Kriminali, peress li ma kien hemm ebda ksur ta’ digriet tal-qorti u kien hemm raġuni valida għall-imġiba tal-omm. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Ewwel Qorti ġiet revokata u Deborah Gaffiero ġiet assolta kompletament mill-akkużi miġjuba kontriha.
//= $special ?>

