Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana huwa wieħed minn dawk il-Membri Parlamentari Laburisti li jirċievi messaġġi u kummenti mingħand l-Eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri.
Dan ikkonfermah hu stess f’kummenti li kien qed jagħti waqt intervista mal-LovinMalta, fejn qal li kien hemm drabi fejn ġieli għaddielu xi kummenti – skont hu ġeneriċi – dwar kif ikunu għaddejin l-affarijiet jew dwar xi ħaġa li jkun qal.
Meta mistoqsi jekk il-kummenti ta’ Keith Schembri jagħtihomx valur, il-Ministru Clyde Caruana, qal li hu jirċievi diversi kummenti minn bosta persuni – fejn hemm minn jaqbel u hemm min ma jaqbilx ma’ dak li jkun qal.
Ir-ritorn ta’ Keith Schembri bena x-xahar li għadda meta ħa sehem fil-podcast ta’ Ricky Caruana, Ii kien qal li hu reġa’ lura fil-Labour. U aktar minn hekk kien qed jgħin lill-Prim Ministru, u lil xi membri mill-Kabinett ta’ Robert Abela – fatt li, ironikament, ħareġ fil-pubbliku b’mod parallel mal-preżentazzjoni tal-Budget.
L-Eks Chief of Staff tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat kien irriżenja minn membru tal-Partit Laburista f’nofs il-kriżi politika tal-2019.
Hu qed jiffaċċja diversi akkużi fil-Qorti fosthom ta’ frodi, ħasil ta’ flus u allegazzjonijiet serji marbuta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>
