Mietu ‘l fuq minn 30 persuna wara li terremot li rreġistra 6.5 fuq l-Iskala laqat lir-reġjuni lejn in-naħa ta’ fuq tal-Afganistan. Irriżultaw ukoll il-mijiet tal-midruba, bl-awtoritajiet lokali qed jistennew li l-vittmi tat-theżżiż jiżdiedu b’mod sinifikanti aktar ma jkomplu l-isforzi tas-salvataġġ fl-inħawi.
L-epiċentru tat-terremot kien f’sit viċin il-belt ta’ Mazar-e-Sharif, fejn jgħixu man-nofs-miljun resident. Intant, il-Ministeru tas-Saħħa Afgan immexxi mit-Taliban, indika li numru mhux ħażin ta’ dawn il-midruba kienu fil-periklu tal-mewt.
Il-kelliema għat-Taliban – il-moviment tal-militanti Iżlamiċi li hu l-awtorità ewlenija fl-Afganistan – sostnew li kienu qed jinstabu aktar vittmi tat-terremot fid-distrett ta’ Sholgara, lejn in-nofsinar ta’ Mazar-e- Sharif.
Dan meta t-terremot ħalla l-impatt tiegħu qalb id-distretti kollha tal-provinċja – b’ħafna nies jispiċċaw jaqgħu mill-bini għoljin fl-inħawi waqt it-theżżiż tal-art.
Numru kbir ta’ residenti f’Mazar-e-Sharif ħarġu jiġru fit-toroq mal-ewwel mumenti tat-terremot fost il-kaos u fost l-istennija li l-bini kellu jċedi minn ħin għall-ieħor.
It-terremot anki affettwa l-provvista tad-dawl madwar l-Afganistan, bil-qtugħ iseħħ ukoll fil-belt kapitali ta’ Kabul. Dan wara li ġarrbu l-ħsarat il-linji tal-elettriku li jipprovdu sors ewlieni ta’ dawl lill-Afgani mill-artijiet tal-Użbekistan u Taġikistan.
Il-qilla tat-terremot lanqas ma ħafritha lill-Moskea l-Blu, f’Mazar-e-Sharif…Moskea li nbniet fis-Seklu Ħmistax u li hi post ta’ devozzjoni għall-eluf ta’ pellegrini Musulmani Xiti li jmorru hemm biex jiċċelebraw l-avvenimenti reliġjużi.
Dan fost iċ-ċirkulazzjoni ta’ ritratti u filmati ta’ tifrik mifrux madwar l-artijiet ta’ din il-moskea – bil-kelliema għat-Taliban, ilbieraħ, jevalwaw il-periklu f’dik iz-zona u bnadi oħrajn fl-Afganistan.
Ftit tal-ħin ilu, kienu rappurtati wkoll numru sinifikanti ta’ vittmi mit-terremot fl-artijiet ta’ Samangan – provinċja dominata mill-muntanji viċin ħafna ta’ Mazar-e-Sharif.
Dan it-terremot kellu jolqot lill-Afganistan ftit ġimgħat biss wara t-theżżiża terribbli ta’ Awwissu. Il-jum meta terremot ta’ 6.0 kien laqat ir-reġjuni Afgani lejn il-lvant, fejn tilfu ħajjithom ‘il fuq minn 1,100 persuna.
//= $special ?>

