Lokali

L-IĠM jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-riforma tal-midja

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ippreżenta l-opinjonij tiegħu dwar ir-riformi fil-midja proposti mill-gvern, wara sensiela ta’ diskussjonijiet fost il-membri tal-kunsill tal-IĠM u l-membri tiegħu.

L-IĠM jaqbel ma’ xi proposti tal-gvern, inkluża l-emenda għall-Kodiċi Kriminali biex l-attakki fuq il-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-midja jitqiesu bħala reat aggravanti. L-IĠM irid ukoll li l-libertà tal-midja u l-protezzjoni tas-sorsi ġurnalistiċi jkunu mniżżla fit-taqsimiet tal-Kostituzzjoni, flok fil-Kapitolu 2 li ma jistax jiġi infurzat legalment.

Fir-rigward tad-difamazzjoni u l-libel, l-IĠM jemmen li d-dispożizzjonijiet attwali fil-liġi biex wieħed ifittex rimedju huma adegwati. Il-ġudikatura s’issa wriet moderazzjoni meta tagħti kumpens f’każijiet ta’ libell, u rari tagħti l-ammont massimu permess. Minflok, l-IĠM qed jissuġġerixxi li l-ġudikatura tinkoraġġixxi soluzzjonijiet tall-Alternative Dispute Resolution fil-bidu tal-proċeduri ta’ difamazzjoni bħala alternattiva għal proċessi twal fil-qorti.

L-IĠM qed isejjaħ lill-gvern biex jintroduċi liġi separata li tipproteġi lill-ġurnalisti kontra kawżi magħrufa bħala Strategic Lawsuits Against Public Participation (SLAPPs), li tapplika wkoll għal każijiet lokali. Saru wkoll rakkomandazzjonijiet oħra, fosthom li jiġu imposti pieni aktar deterrenti.

L-IĠM qed jissuġġerixxi wkoll li l-Att dwar il-Libertà ta’ Informazzjoni jiġi riformat u li l-perjodi ta’ żmien stipulati bil-liġi għar-risposti jitnaqqsu b’mod drastiku.

Lil hinn minn tibdilijiet leġiżlattivi, l-IĠM qed isejjaħ għal diskussjonijiet bejn il-gvern, il-ġurnalisti u s-sidien tal-midja biex l-industrija ssir ekonomikament vijabbli. 

Pakkett ta’ Appoġġ għal Demokrazija tal-Midja Sostenibbli, b’miżuri ta’ appoġġ li jinkludu inċentivi tat-taxxa għal kumpaniji u individwi, għotjiet, u tqassim ġust u trasparenti tal-infiq fuq ir-reklamar.

Huwa essenzjali għal kull pajjiż demokratiku li jkollu l-midja vibranti u indipendenti li żżomm il-poter taħt skrutinju. Ir-riformi urġenti meħtieġa f’Malta, sostna l-Istitut tal-Ġurnalisti, għandhom isaħħu l-libertà tal-midja sabiex titħares id-demokrazija.