Lokali Sport

L-isport mhux fuq l-aġenda tal-Gvern

Ebda referenza għal kif il-Gvern Laburista se jħaddem il-liġi tal-kummerċjaliżazzjoni tal-isport
Ebda referenza għal kif il-Gvern Laburista se jħaddem il-liġi tal-kummerċjaliżazzjoni tal-isport

Baġit 2026 | Ebda referenza għal kif il-Gvern Laburista se jħaddem il-liġi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-isport

Il-baġit li ppreżenta nhar it-Tnejn li għadda l-Gvern ta’ Robert Abela reġa’ ta konferma ċara li l-isport mhuwiex prijoritá. Fil-veritá għalkemm f’dawn l-aħħar snin kien hemm investiment importanti fl-infrastruttura sportiva f’Malta, il-Gvern mhux qed jimxi mal-programm elettorali tal-2022, u hemm numru ta’ proposti fil-qasam sportiv li għadhom ma rawx id-dawl tax-xemx, minkejja li ninsabu xhur biss ‘il bogħod minn elezzjoni ġenerali oħra.

Biex wieħed jifhem aħjar il-kriżi u n-nuqqas ta’ viżjoni li għandu dan il-Gvern fil-qasam sportiv, u li kompliet tkun riflessa fl-aħħar baġit, tajjeb li niftakru x’ġara fil-kampanja elettorali tal-2022. Il-Partit Nazzjonalista kien ippreżenta l-programm elettorali tiegħu, f’kull settur, jiem biss wara li Robert Abela kien ħabbar id-data tal-elezzjni għal Marzu ta’ dik is-sena.

Il-PN kien ippreżenta numru ta’ proposti fil-qasam sportiv, li kienu ġabu l-approvazzjoni tal-assoċjazzjonijiet sportivi u ta’ dawk li huma involuta direttament jew indirettament fl-isport. Il-proposti tal-PN għall-isport kienu jinkludu proġetti, skemi, miżuri u incentivi ġodda, bl-għan li pajjiżna jbiddel il-kultura sportiva tal-isport f’pajjiżna u ssaħħaħ il-professjonaliżmu f’dan is-settur. Fl-istess waqt, il-PN kien qed iħares lejn l-isport, kif għadu jagħmel sal-lum, bħala wieħed mill-pilastri importanti li permezz tiegħu jiżdiedu l-impjiegi ġodda u ta’ kwalitá fl-isport, u tikber l-ekonomija tal-pajjiż.

L-isport mhux fuq l-aġenda tal-Partit Laburista

Il-Partit Laburista kien ħareġ il-programm elettorali tiegħu ġimgħat wara li l-PN kien ħabbar il-proposti tiegħu għall-isport, u dakinhar wieħed seta’ faċilment jinnota li l-Partit fil-Gvern kien għażel li jikkoppja numru ta’ proposti, li fil-maġġoranza tagħhom kienu ġodda, mill-programm elettorali tal-PN.

43 xahar wara l-elezzjoni tal-2022, hemm numru ta’ proposti li wiegħed il-PL fl-isport li qatt ma saret referenza għalihom mill-Gvern tal-ġurnata, m’hemm ebda xogħol għaddej fuqhom u wisq aktar tlestew. Dan juri li Robert Abela, fil-veritá m’għandu ebda viżjoni u direzzjoni ta’ fejn irid jieħu l-isport f’pajjiżna għas-snin li ġejjin.

L-akbar konferma ta’ dan hi l-famuża liġi tal-kummerċjalizzazzjoni, li llha snin li ġiet approvata mill-Parlament, bi qbil bejn iż-żewġ partiti politiċi, iżda sal-lum għadna mhux naraw din il-liġi titħaddem.

Rabja u frustrazzjoni kbira mill-għaqdiet sportivi biex titħaddem il-liġi tal-kummerċjalizzazzjoni fl-isport

L-assoċjazzjonijiet u l-klabbs sportivi li għandna f’Malta, kienu qed jistennew bil-ħerqa, li l-Gvern iħabbar żviluppi ġodda b’rabta ma’ din il-liġi. Diversi amministraturi li huma involuta fil-ħidma ta’ assoċjazzjoni jew klabb fl-isport, kollha qalulna li din il-liġi, jekk titħaddem kif imwiegħed mill-Gvern, għandha tkun game changer fl-isport.

Dan għaliex il-mod ta’ kif din il-liġi oriġinarjament tfaselet, kellha skop wieħed; dik li tagħti lill-għaqdiet sportivi l-għodod neċċessarji biex huma stess jiġġeneraw attivitá ekonomika li tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd.

Jekk wieħed jikkwota bl-eżatt dak li hemm miktub fit-tfassil tar-regolamenti ta’ din il-liġi, u li nkitbu f’Jannar tal-2017, hemm spjegat b’mod ċar u tond li għan tar-regolamenti marbuta ma’ din il-liġi sportiva, hu li jistabbilixxu l-kriterji fuq il-bażi ta’ liema organizzazzjoni sportiva tista’ tingħata d-dritt li twettaq attività kummerċjali fi ħdan faċilità sportiva.

Wieħed jifhem li minn dak iż-żmien ‘il hawn dawn ir-regolamenti nbidlu kemm-il darba, sforz in-nuqqas ta’ ppjanar u viżjoni li l-Partit Laburista għandu b’rabta ma’ din il-liġi li hija meqjusa tant importanti għal dawk involuti fil-ħidma amministrattiva tal-isport f’pajjiżna.

Il-Gvern ta’ Robert Abela, b’konfużjoni sħiħa dwar liġi li qed twaqqaf l-għaqdiet sportivi milli joperaw

Għal raġunijiet li wieħed għadu jrid jifhem, il-Gvern Laburista qed jagħżel li jħalli li din il-liġi taħt it-tapit, sforz ukoll il-konfużjoni interna u n-nuqqas ta’ qbil intern dwar kif din il-liġi għandha titħaddem.

Agħar minn hekk, il-Gvern qed juri insensittivita kbira lejn il-ħidma u s-sagrifiċċji kontinwi tal-assoċjazzjonijiet u l-klabbs sportivi, li llhom is-snin jistennew li jkollhom risposta jew approvazzjoni tal-proġetti li fasslu, skont it-termini marbuta ma’ din il-liġi tal-kummerċjalizazzjoni fl-isport.

Dawk li tkellmu magħna, wara li baqgħu bla risposta mill-Ministru tal-Finanzi mid-diskors tal-Baġit, dwar it-tħaddim ta’ din il-liġi sportiva, esprimew ir-rabja u l-frustrazzjoni tagħhom għall-fatt li l-Gvern qed jibqa’ jinjora t-talba tagħhom u mhux jifhem il-gravitá tat-tħassib tagħhom. Dan biex ma nsemmux il-fatt li fil-Baġit mimli pompożitá mill-Partit Laburista, l-isport jitqies daqslikieku kien fantażama għal dan il-Gvern; ebda referenza u ħjiel ta’ importanza.

In-nuqqas ta’ azzjoni fit-tħaddim tal-liġi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-isport, qed tipperikola l-finanzi tal-għaqdiet sportivi

Saħansitra, oħrajn li tkellmu magħna, spjegawlna kif din in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern, u t-tkaxkir tas-saqajn fuq liġi li diġà qegħdha hemm, qed tipperikola l-finanzi tal-istess assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi. Dan għaliex sabiex dawk li diġà ppreżentaw il-proposta tagħhom, bid-dettalji kif mitluba, kellhom joħorġu minn ġewwa flejjes kbar li jagħmlu tajjeb għar-riċerka u l-ippjanar tal-proġett propost kummerċjali tagħhom.

Oħrajn qalulna li l-ippjanar sar bis-sehem ta’ investituri privati, u li għaliex kien hemm imprendituri privati li emmnu fit-tfassil tal-proġett, saħanistra ħarġu ammont finanzjarju sostanzjali minn qabel, sabiex bħala sħab tal-proġett, jgħinu lil dik l-entitá sportiva, fin-nefqa finanzjajra, bil-ħsieb li dawn il-flus eventwalment ikunu investiti lura la darba l-proġett jiġi approvat u jibda jopera. 

L-istess individwi li tkellmu magħna, u li sintendi xtaqu jibqgħu anonimi biex jipproteġu l-isem tal-assoċjazzjoni jew tal-klabb sportiv tagħhom, qalulna li dan l-infiq sar għaliex kellhom wegħda mill-Gvern tal-ġurnata, li la darba l-proposta tagħhom, bid-dettalji u l-pjanti kollha mitluba, ikunu ppreżentati, ma kienx se jkun hemm dewmiem u burokrazzija żejda.

Illum dawn l-istess għaqdiet sportivi qed jifhmu kemm dak il-kliem kien kollu tradiment u qed iħossu frustrazzjoni kbira għaliex se tkun għaddiet legiżlatura oħra, mingħajr ma sar xejn mill-Gvern.

Il-baġit ta’ nhar it-Tnejn li għadda ma għamel ebda referenza għal kif il-Gvern għandu l-ħsieb li jindirizza din il-liġi sportiva u x’se jiġri min-numru ta’ proġetti li l-assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi f’Malta, ilhom iż-żmien li ppreżentaw quddiem il-bord tal-għażla li fassal il-Gvern.

Quddiem din is-sitwazzjoni, filwaqt li wieħed ma jistax ma jfaħħarx l-investiment li sar mill-Gvern fil-faċilitajiet tal-isport matul din il-leġiżlatura, wieħed irid jifhem ukoll li dan l-investiment mhux se jsolvi l-problemi li qed iħabbtu wiċċhom l-assoċjazzjonijiet sportivi, u b’dak li sar sal-lum, il-Partit Laburista sempliċiment qed iraqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar.

Dan għaliex dak li fl-aħħar mill-aħħar l-assoċjazzjonijiet u l-klabbs sportivi qed jixxenqu għalih hu li jkollhom l-aċċess biex jingħataw id-dritt li jwettqu attività kummerċjali fi ħdan il-faċilità sportiva tagħhom. Dan biex ma nsemmux li għad hemm klabbs, mhux biss tal-futbol, li sal-lum għadhom mingħajr art minkejja li din ilha imwegħda lilhom għal numru ta’ snin.

Diversi persuni li ilhom is-snin involuti fil-qasam amministrattiv ta’ assoċjazzjoni jew klabb sportiv, u li fil-maġġoranza tagħhom b’mod volontarju, saħqu li jekk il-Gvern mhux se jiċċaqlaq fuq din il-liġi, se jkollna sitwazzjoni fejn numru ta’ entitajiet sportivi jkunu f’xifer il-falliment finanzjarju.

Fl-2022, il-Partit Nazzjonalista, kien wiegħed li l-Gvern Nazzjonalista, kien se jindirizza din il-liġi tal-kummerċjalizzazzjoni bl-akbar serjetá, bl-għan li titneħħa kwalunkwé burokrazija li għal dawn l-aħħar snin iffiriżat din il-liġi.

Illum nafu b’ċertezza li l-Gvern ta’ Robert Abela m’għandux l-isport bħala prijoritá u juża dan is-settur kif jaqbel lilu bl-għan li jagħti l-impressjoni li qed jinvesti l-miljuni.

Fl-2024, l-ispiża tal-Gvern fl-isport kienet aktar minn €10,700,000 – bl-ispiża tonqos għal €7,400,000 fl-2025 u issa, l-estimi għal 2026 qed juru li n-nefqa se tkun dik ta’ €6,000,000. Tnaqqis ta’ fondi allokati f’dan il-qasam b’aktar minn €4 miljun f’temp ta’ sentejn.