Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, laqgħet parzjalment l-appell ta’ Adrian Demanuele u naqqset il-multa tiegħu minn €3,000 għal €700, billi qieset li l-piena imposta mill-ewwel Qorti kienet eċċessiva meta mqabbla man-nuqqas li wettaq.
Demanuele kien instab ħati li, waqt spezzjoni ta’ sorpriża f’lejliet il-Milied tal-2022 ġewwa Cesca Club f’Wied il-Għajn, ma ħarġax riċevuta fiskali immedjatament wara bejgħ ta’ xorb, kif titlob il-liġi. L-ispetturi tad-Dipartiment tal-VAT, Daryl John Cachia u Lorraine Galea, xehdu li waqt li kienu ġew fuq il-post, raw bejgħ isir mingħajr ma toħroġ riċevuta, u meta tkellmu mal-proprjetarju — identifikat bħala l-appellant — dan ammetta li kien iħaddem sistema fejn joħroġ riċevuta waħda ta’ €515 qabel jiftaħ il-bar, biex tkopri l-bejgħ kollu tas-serata.
Il-Qorti ma laqgħetx il-verżjoni tad-difiża li allegat li dakinhar kien hemm open bar u għalhekk ma kienx hemm bżonn joħorġu riċevuti, billi din il-verżjoni ma kinitx imsemmija fir-rapport oriġinali u nstabet inkonsistenti mal-fatti. L-Imħallef Grima kkonkludiet li Demanuele naqas milli josserva l-liġi, li tobbliga lil kull fornitur joħroġ riċevuta fiskali minnufih wara kull ħlas.
Madankollu, waqt li kkonfermat il-ħtija, il-Qorti qieset li l-appellant kien diġà ħareġ riċevuta waħda ta’ €515 qabel l-ispezzjoni, li kien jkopri l-bejgħ kollu tal-lejl, u li l-fedina penali tiegħu kienet kważi nadifa. F’dan il-kuntest, il-Qorti ddeċidiet li tvarja l-piena u tnaqqasha għal multa ta’ €700, billi rrikonoxxiet li l-multa ta’ €3,000 kienet eċċessiva u mhux proporzjonata mal-fatti tal-każ.
Il-Fatti tal-Każ
Il-każ imur lura għall-24 ta’ Diċembru 2022, meta żewġ spetturi tad-Dipartiment tal-VAT — Daryl John Cachia u Lorraine Galea — għamlu spezzjoni ta’ sorpriża fil-bar ta’ Demanuele. Skont ir-rapport tagħhom, hekk kif daħlu ġewwa l-premises, raw bejgħ ta’ xorb alkoħoliku mingħajr ma toħroġ riċevuta fiskali.
Meta tkellmu mal-proprjetarju, Adrian Demanuele, dan ammetta li ma kienx joħroġ riċevuta għal kull bejgħ individwali, iżda kien jagħmel riċevuta waħda ta’ €515 qabel jiftaħ il-bar, biex tkopri l-bejgħ kollu tas-serata.
Demanuele qal lill-ispetturi li kien jagħmel hekk għax l-impjegati tiegħu ma jafux jużaw il-cash register, u għalhekk hu kien jħejji riċevuta waħda minn qabel u, jekk il-bejgħ jaqbeż l-ammont, joħroġ waħda oħra wara. L-ispetturi infurmawh li dan kien illegalment ħażin, peress li l-liġi tobbliga li tiġi maħruġa riċevuta immedjatament wara kull ħlas.
Il-Provi fil-Qorti tal-Maġistrati
Fil-Qorti tal-Maġistrati, it-tnejn l-ispetturi xehdu u kkonfermaw li kienu tkellmu ma’ Demanuele personalment. Għalkemm ix-xhud Galea ma setgħetx tidentifika lill-appellant fil-Qorti, hija kkonfermat li l-persuna li tkellmu magħha kienet is-sid tal-bar, jiġifieri Adrian Demanuele.
Meta xehed, Demanuele sostna li dakinhar kien hemm attività b’open bar, għalhekk il-klijenti ma kinux qed iħallsu kull darba u ma kienx hemm għalfejn joħroġ riċevuta kull darba. Huwa qal li kien ħareġ riċevuta waħda għas-servizz tal-“open bar”, u għalhekk ma kienx qed jikser il-liġi.
Madankollu, il-Qorti tal-Maġistrati ma emmnetx din il-verżjoni, billi qieset li Demanuele kien biddel l-istorja tiegħu — fl-ewwel stqarrija ma semmiex “open bar”, iżda semma li l-impjegati ma jafux jużaw is-sistema fiskali. Dan wassal lill-Qorti biex tqisu xhud mhux kredibbli.
Il-Qorti qieset ukoll li l-liġi, tobbliga lil kull persuna li tagħmel provvista biex toħroġ riċevuta fiskali immedjatament wara kull ħlas, u għalhekk is-sistema li kien qed juża Demanuele kienet kontra l-liġi. Għaldaqstant, il-Qorti sabitu ħati u kkundannatu multa ta’ €3,000.
Il-Qorti tal-Appell qieset li l-verżjoni tal-appellant kienet inkonsistenti u “ma kellhiex kredibilità”, għax l-istorja tiegħu dwar l-“open bar” dehret bħala skuża tardiva. Madankollu, dwar il-piena, il-Qorti osservat li: għalkemm l-att tiegħu kien kontra l-liġi, xorta kien ħareġ riċevuta waħda ta’ €515 qabel l-ispezzjoni, biex jikkopri l-bejgħ tas-serata;
Il-fedina penali tiegħu kienet kważi nadifa, bl-unika kundanna tiegħu tmur lura għas-sena 2009; Għalhekk, kien ġust li jitqiesu dawn iċ-ċirkostanzi fil-kejl tal-piena. L-Imħallef Grima rrimarkat li, għalkemm il-multa ta’ €3,000 kienet fil-limiti permessi mil-liġi, kienet tqarreb wisq lejn il-massimu, u għalhekk ma kinitx proporzjonata mal-gravità relattiva tan-nuqqas.
//= $special ?>

