Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, annullat is-sentenza oriġinali tal-24 ta’ Frar 2025 kontra Adriane Grima u, fil-ħin li kkonfermat il-ħtija tagħha, naqset il-multa minn €1,200 għal €600, waqt li s-sospensjoni ta’ tliet xhur mil-liċenzja tas-sewqan baqgħet fis-seħħ.
Il-Qorti tal-Appell eżaminat l-appell imressaq minn Adriane Grima kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati tal-24 ta’ Frar 2025, li kienet sabitha ħatja ta’ sewqan traskurat u perikoluż u li b’nuqqas ta’ ħsieb ikkawżat offiżi ħfief.
Il-każ kien jirreferi għal inċident li seħħ fil-21 ta’ April 2023 fi Triq Mons Mikiel Azzopardi, is-Siġġiewi, meta Grima, waqt li kienet qed issuq vettura, ħabtet ma’ vettura oħra misjuqa minn Christie Borg, li kienet wieqfa fit-traffiku. L-appellanti sostniet li l-inċident ġie kkawżat minn falliment fil-brejkijiet tal-karozza tagħha.
Il-Qorti tal-Maġistrati sabitha ħatja u kkundannatha multa ta’ €1,200, sospensjoni ta’ tliet xhur mil-liċenzja tas-sewqan, u għaxar punti fuq il-liċenzja. Fl-appell tagħha, Grima sostniet li s-sentenza tal-Ewwel Qorti kienet nulla minħabba żbalji fiċ-ċitazzjoni u li l-piena kienet eċċessiva u sproporzjonata.
Il-Qorti tal-Appell osservat li kien hemm żbalji materjali fil-verżjoni oriġinali tas-sentenza, partikolarment dwar in-numru tar-reġistrazzjoni tal-vettura u l-identità tal-vittma, li kienu ġew korretti matul il-proċess, iżda l-korrezzjoni ma ġietx riflessa formalment fis-sentenza tal-Ewwel Qorti.
Għalhekk, l-Imħallef Grima ddeċidiet li tħassar is-sentenza oriġinali fuq raġunijiet formali, iżda reġgħet iddeċidiet il-każ mill-ġdid skont l-Artikolu 428(3) tal-Kodiċi Kriminali, tal-Pulizija, u tat-tabiba Dr. Fabienne Sammut, il-Qorti kkonkludiet li l-inċident kien irriżulta minn nuqqas ta’ attenzjoni u traskuraġni min-naħa ta’ Grima, li setgħet rat il-karozza ta’ quddiem wieqfa iżda ma naqqsitx il-veloċità fil-ħin.
Il-Qorti għalhekk ikkonfermat il-ħtija ta’ Grima, iżda qieset il-piena imposta mill-ewwel Qorti bħala eċċessiva, billi l-appellanti għandha fedina penali nadifa, hija ‘first-time offender’, u ma kienx każ ta’ periklu gravi jew intenzjoni ħażina.
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell naqqset il-multa għal €600 minflok €1,200 u żammet fis-seħħ is-sospensjoni ta’ tliet xhur mil-liċenzja tas-sewqan, li tibda mid-9 ta’ filgħodu tal-għada tas-sentenza. Il-Qorti ma imponitx il-punti penali, billi din is-setgħa hija limitata għall-Qorti tal-Maġistrati jew lill-Kummissarju tal-Ġustizzja.
B’hekk, il-Qorti tal-Appell annullat is-sentenza oriġinali fuq raġunijiet proċedurali, reġgħet ikkonfermat il-ħtija ta’ Adriane Grima, u naqqset il-multa għal €600, billi kkonkludiet li l-piena oriġinali kienet eċċessiva u mhux proporzjonata mal-fatti tal-każ.
//= $special ?>

