Fid-diskors tiegħu fil-parlament waqt it-tweġiba għall-budget, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg ħabbar diversi inizjattivi fejn sostna li l-Partit Nazzjonalista jrid jara ħaddiema li jaħdmu biex jgħixu u mhux jgħixu biex jaħdmu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li niex niżguraw li nilħqu l-aspirazzjonijiet tal-Maltin kollha, Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jiżgura li:
Inneħħu t-taxxa minn fuq iż-żieda għal-għoli tal-ħajja;
Inċentivi fiskali lil min iħaddem sabiex nixprunaw l-investiment;
Inraħħsu t-taxxi lil kulħadd;
L-ebda taxxa fuq l-ewwel €10,000 li taqla’ minn fuq il-part-time jew l-overtime;
Nifthu proġett pilota u konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali fuq il-4 day week;
Ninċentivaw lil kumpaniji privati biex il-haddiema jkunu jistghu jaghmlu uzu minn teleworking, reduced hours u flexible hours;
Inwessgħu aktar il-kunċetti ta’ teleworking, reduced hours u flexible hours fiċ-Ċivil;
Ninċentivaw lil kumpaniji privati biex jipprovdu child care centres fil-premises taghhom;
Neliminaw iċ-cheap labour li ħoloq dan il-Gvern;
Niddiversifikaw l-ekonomija biex niżguraw li jogħlew il-pagi tal-ħaddiema;
Nibnu niċeċ ekonomiċi ġodda, bħal MedTech, cyber security, cryptography li huma bbażati fuq value-added u mhux popolazzjoni;
Ninvestu b’mod qawwi fis-settur tal-avvjazzjoni u dak marittimu;
Ninvestu fl-Ekonomija Kreattiva u noffru assistenza finanzjarja u opportunitajiet lil NGOs u artisti Maltin u Ghawdxin;
Nagħmlu ġustizzja mal-ħaddiema tal-kuntrattur li jagħtu servizz lill-Gvern. U allura Equal pay for equal work;
Ngħinu b’mod finanzjarju lill-ħaddiema taċ-Ċivil biex jinvestu f’second pillar pension;
Ngħollu l-pensjonijiet b’żidiet li jirrifflettu l-ħtiġijiet tal-lum. L-anzjani tagħna rriduhom jgħixu ħajja komda u mhux kemm kemm jgħaddu;
Insaħħu s-sigurtà fil-pajjiż permezz ta’ investiment qawwi fil-pulizija;
Inbiddlu l-mudell turistiku tagħna, billi nattiraw turisti b’disposable income għoli;
Inniedu Labour Market Study biex id-dinamika tal-popolazzjoni tkun sostenibbli;
Nimplimentaw sistema ta’ trasport tal-massa biex intaffu l-problema tal-konġestjoni fit-toroq tagħna;
Nintroduċu sistemi ta’ Intelligenza Artifiċjali biex tikkordina t-traffic flow;
Ninvestu f’toroq li jaqdu diversi modi ta’ trasport;
Isir studju komprensiv tal-bottlenecks tal-pajjiż u permezz ta’ proġetti infrastrutturali speċifiċi jiġu eliminati dawn il-bottlenecks;
Ninċentivaw car pooling;
Niżguraw li kull student fil-bżonn ikollu LSE;
Inwettqu bini ta’ skejjel ġodda madwar il-pajjiż kollu;
Ninvestu fl-immodernizzar tal-laboratorji tax-Xjenza fl-iskejjel tagħna;
Nimplimentaw strateġija serja biex aktar u aktar studenti jkomplu jiżviluppaw fl-oqsma tal-iSTEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika);
Nifthu skejjel vokazzjonali u tas-snajja’;
Bini ta’ Sptar ġdid għas-saħħa Mentali;
Nirriġeneraw l-Isptar Monte Karmeli, l-Isptar San Luqa u Karin Grech;
Bini ta’ Sptar ġdid f’Għawdex;
Ninvestu aktar fil-kura paljattiva u nassiguraw li dawn is-servizzi jilħqu lil kulħadd;
Nibnu ċentru modern u dinjituż tac-Child and Young People Services (CAYS) li jixraq lit-tfal tagħna filwaqt li nizguraw li jkollna l-aqwa servizzi fil-qasam tan-newrodiversità;
Tibdil fil-proċess tax-xiri tal-apparat u mediċini tal-isptar biex niżguraw li jkollna aktar mediċini fuq il-formolarju, neliminaw il-mediċini out-of-stock u nnaqqsu l-waiting lists tal-operazzjonijiet;
Innaqqsu l-burokrazija lin-negozjant Malti;
Nattiraw Foreign Direct Investment ta’ kwalità u li joffru opportunitajiet ta’ xogħol liż-żgħażagħ tagħna;
Programm ta’ afforestazzjoni u restawr ekoloġiku mal-pajjiż kollu. Kif ukoll progetti estensivi ta’ tħaddir taz-zoni urbani tal-ibliet u l-irħula tagħna;
Nibdew proġett ta’ ħażna ta’ new water, proġett fix-xitwa, biex jintuża mill-bdiewa tul is-sena kollha;
Inżommu s-sussidji tal-enerġija, iżda ninvestu qatigħ fuq proġetti ta’ enerġija li tiġġedded biex il-kontijiet tad-dawl u ilma tan-nies jorħsu;
Billi nżidu l-frekwenza u ntejbu s-servizz, insolvu l-problema tal-indafa pubblika u ġbir tal-iskart madwar il-pajjiż;
Vapuri ġodda u titjib fil-konnettività;
It-trasformazzjoni tal-Port tal-Imġarr;
Tinfetaħ rotta ġdida permanenti bejn il-port tal-Imġarr u l-Freeport għall-ġarr tal-merkanzija. Miżura li tgħin ukoll fit-tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku f’Malta;
Nassiguraw li jkollna Qorti ġdida f’Għawdex;
Nirriformaw il-Qrati tal-Ġustizzja fejn innaqqsu b’mod drastiku d-dewmien;
Id-dokumenti relatati mal-Qorti jimxu lejn sistema diġitali paperless;
Nidentifikaw proġetti ta’ housing soċjali biex niżguraw li kulħadd ikollu saqaf fuq rasu;
Għajnuna sinifikanti lil dawk li iridu jakkwistaw l-ewwel post tagħhom;
Noħolqu Child Trust Fund fejn il-Gvern jiddepożita €5,000 għal kull wild ġdid li jikber minn sena għal sena u jissarraf meta dak il-wild jkun irid jagħmel pass importanti f’ħajtu.
Għalkemm l-għajnuna immedjata lill-ġenituri fil-mument tat-twelid hija meħtieġa, il-bini ta’ pajjiż sostenibbli jitlob pjan fit-tul li jmur lil hinn milli ġġib tarbija f’din id-dinja. Il-familji għandhom bżonn mhux biss is-serħan il-moħħ li jistgħu jwelldu tfal b’dinjità, imma wkoll iċ-ċertezza li wliedhom ikunu mħarsa u msaħħa fil-mixja tagħhom ta’ tkabbir, u li jkollhom iċ-ċans jirnexxu fil-ħajja tagħhom.
Dan ic-Child Trust Fund huwa investiment fit-tul lit-tfal Maltin u Għawdxin.
Mezz strutturat li bih l-Istat juri solidarjetà ma’ kull ġenerazzjoni ġdida. Billi tingħata għotja finanzjarja fil-mument tat-twelid li tikber tul is-snin u tgħin lil dak il-wild meta jkun irid jilħaq il-milja tiegħu. B’hekk mhux ikun qed jagħti benefiċċju ta’ darba, imma qed joħloq pedament għall-futur b’opportunità u tama – li bih kull tifel u tifla jkunu jistgħu jistudjaw, jimirħu jew jsiru indipendenti bil-mod tagħhom meta jsiru adulti.
Il-Kap tal-PN qal li dan hu gvern alternattiv Nazzjonalista li bi ħsieb, bi pjan u b’qalb vera soċjali jaħseb iva fil-familji. Li jkun t’appoġġ tul it-trobbija tat-tfal. Li jagħti futur sod lil pajjiżna u lil uliedna.
Dawn huma biss, ftit, ftit mill-miżuri li fuqhom Gvern Nazzjonalista se jkun qed jibbaża l-politika tiegħu. Gvern alternattiv mimli ideat u proposti. Dan għadu biss il-bidu. Nafu fejn irridu mmorru. Nafu fejn irridu nieħdu lil Malta tagħna.
Alex Borg qal li dan hu l-mument fejn Malta trid taghmel il-pass li jmiss. Dan hu l-mument fejn il-poplu Malti u Għawdxi jrid jingħaqad taħt il-bajda u l-ħamra. Dan hu l-mument fejn nerġgħu nibdew ngħixu kuntenti, fejn inroddu pajjiżna lura lill-familji tagħna u fejn wasal iż-żmien li naħdmu biex ngħixu u mhux ngħixu biex naħdmu.


