Ivan Bartolo
Shadow Minister
għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli,
il-Ġlieda Kontra l-Faqar u s-Solitudni
Inkun qed nonqos jekk ngħid li ma tqassmux flus. M’iniex ser nidħol fil-mertu li d-dejn ser jittrippla, imma dan hu Baġit li nesa’ dik il-faxxa ta’ bnedmin li m’għandhomx għixa ta’ lejla.
Dik il-faxxa li lanqas indirizz m’għandhom. Imma ma nistax ukoll ma nsemmiex il-weġgħa li ħassew dawk il-koppji li ma jistax ikollhom tfal, minħabba stress tal-loans fuq id-djar u li l-ħin kollu jridu jaħdmu għal djar bi ħtiġijiet bażiċi u sempliċi, xejn ta’ lussu.
Dawn ma gwadanjaw xejn ħlief €4.66 fil-ġimgħa u esplojtazzjoni sħiħa għal min jagħlaq il-61 b’aktar minn erbgħin sena f’kontribuzzjonijiet biex jieħu pensjoni imma ma jistax jaħdem part-time sa 65.
Lura għal dawk bi dħul baxx. Il-Gvern ftaħar li għen 900 familja. U aħna nifirħu magħhom, l-għaliex kull familja li ngħinu tinqala’ mill-faqar hija każ ta’ ċelebrazzjoni.
Imma tajjeb ukoll li niftakru li hemm mijiet oħra li ilhom fil-lista ta’ stennija jistennew li jingħataw akkomodazzjoni. Imma ż-żaqq il-mimlija qatt ma fehmet liż-żaqq il-vojta.
Serħan il-moħħ, l-għaliex illum il-ġurnata il-kirjiet u l-proprjetajiet huma sfida kbira fil-ħajja. Dawn il-bnedmin qegħdin ibatu, u s-slogan tal-Gvern ‘Saħħa lill-Maltin’ huwa ’l bogħod mir-realtà ta’ dawn l-individwi.
Kien ikun ferm aħjar li kieku s-slogan kien jgħid ‘Nilagħbu bis-saħħa mentali tal-Maltin’. U ser nispjega l-għaliex qed ngħid dan:-
Eluf ta’ żagħżagħ qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex jixtru akkomodazzjoni diċenti minħabba prezzijiet eżorbitanti fis-suq. Is-sistema ekonomika li qed noperaw qed toħloq il-ġdid imma mhix tqassmu sew.
Djar affordabbli mhux għal kulħadd
Ħafna mid-djar imsejħa “affordabbli” għadhom unreachable għal bosta żagħżagħ, anke jekk mhumiex fix-xifer tal-faqar. Il-prezzijiet tal-proprjetà mhux għoliet fl-aħħar snin imma splodiet. U din l-isplużjoni mhix relatata maż-żidiet fil-pagi.
Biex koppja llum taffordja dar trid tidħol f’dejn ta’ erbgħin sena. Trid tagħmel ħajjitha tħallas dak is-self li ovvjament inaqqrilha sew mill-ispending power tagħha biex tlaħħaq mal-affarijiet utli u li jkollha bżonn tal-ħajja.
Sfortunatament ir-rgħiba għall-flus li jinċentiva l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna qed iwassal biex il-bini jkun iffullat, iżgħar, mudlam, u fost ħafna bini ieħor f’binjiet kbar b’għexieren ta’ appartamenti u b’ konsegwenzi ta’ storbju, nuqqas ta’ spazji miftuħa fost sfidi delikati.
Għalhekk nisħaq fuq kemm id-djar għandom ikunu mhux biss affordabbli imma wkoll djar diċenti li wieħed jista jgħix fihom ħajja diċenti. Iż-żieda sal-aħħar tal-2024, il-prezzijiet tad-djar kienet ta’ 5.2%… ċifra ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea.
Huwa fatt magħruf li fl-aħħar tnax-il sena l-popolazzjoni żdiedet b’madwar 130,000 persuna. Kien naturali li dan se jġib miegħu domanda akbar għall-proprjetà u allura l-proprjetajiet awtomatikament jogħlew b’konsegwenza
Appartamenti b’sitt/seba’ persuni fihom
Ħaddiema li ġew Malta b’kulturi differenti ma kellhomx l-istess aspettattivi ta’ spazju li kellna aħna l-Maltin, fejn il-Maltin kienu joqogħdu tnejn jew tlieta huma bdew joqogħdu sitt persuni jew aktar.
Ħaġa minn ewl id-dinja li l-prezz tal-proprjetà togħla, u togħla wkoll il-kera tal-istess proprjetà. Il-vittmi tas-sistema huma ż-żgħażagħ Maltin, l-għaliex tnaqqrulhom kemm l-affordabbiltà u s-sens ta’ spazju diċenti li kienu draw bih għand ommhom u missierhom.
Dan kollu sparixxa u jeħtieġ li dan il-mudell jiġi kkoreġut. Dawn huma vittmi ta’ politika żbaljata.
Imbgaħad hemm dik is-sezzjoni mill-popolazzjoni li jħossuh ateżisti mhux tgħix. Taf toħroġ għaliha x-xafra tal-moħriet, u jwaddbu kull tort fuqha, bħallikieku din is-sezzjoni ġabet is-sitwazzjoni b’idejha.
Dan huwa l-akbar faqar li jeżisti f’pajjiżna. Biex ma jkunux bħal dawk it-800 persuna homeless u li fl-opinjoni tiegħi n-numru huwa ferm akbar, jirrikorru għand l-Awtorita tad-Djar. Imma minkejja l-iskemi eżistenti, mhux kulħadd ikun jista’ jiġi mgħejjun, minkejja li jinsabu fil-poverty threshold.
Mara li mhix devorzjata legalment u li ilha separata mir-raġel għal żmien twil, iżda m’għandhiex dokument x’turi li hi separata jirriżulta li għas-sistema mhix kunsidrata.
Każ ieħor ta’ omm li tmantni tifel b’diżabbiltà. Il-missier ħarab lejn pajjiżu mat-twelid. Minkejja li preżentat ittra legali, xorta ma ġietx aċċettata.
Familji bi dħul baxx
Persuni Boarded Out ma jingħatawx prijorità. Dawn huma bnedmin li ma jistgħux jidħlu fid-dinja tax-xogħol, allura d-dħul tagħhom huwa ta’ €773.80 jekk int miżżewweġ, u €694.60 jekk inti waħdek. Anki jekk bis-sussidju, diffiċli jlaħħqu mad-domanda sfida li qegħdin jaffaċċjaw.
Persuna obesa tneħħiet mix-xogħol. Il-kirja ma setgħetx titħallas u bl-istress u l-kumplikazzjonijiet spiċċat l-isptar. Meta ġiet redundant mill-isptar kellha tibqa’ sejra dritt fit-triq. Illum tinsab f’shelter home. Iżda hija aċċettabbli li persuna ta’ 200 kilo tispiċċa f’shelter home?
Biex tapplika għall-akkomodazzjoni soċjali jrid ikollok bażi ta’ dħul u indirizz minn fejn tapplika.Mingħajr dħul l-ewwel trid tibda f’shelter home. X’se jagħmlu dawn meta l-homes huma kollha mimlijin?
Is-sitwazzjonijiet illum ġabuhom bħal sikkina li taqta’ minn żewġ naħat. Mela mara kienet b’kera ta’ €60 u talbet post akbar biex trabbi żewġ ulied weħidha.
Ħajja iebsa u diffiċli
Żgur li din l-omm ma tistax tiġi ġġudikata bħala lost case, jew li trid kollox mill-istat. Allura ddeċidiet ittejjeb is-sitwazzjoni tagħha u tkompli bl-istudju minkejja l-ħajja iebsa li qegħda tgħix.
Irnexxilha. Saħansitra saret LSE. Il-post inbiddlilha imma l-kera minn €60 telgħet għal €470. Mela din studjat u rsistiet biex il-flus tagħtihom lil-Gvern?
Bi dritt li l-kera togħla, iżda mhux bi tmien darbiet aktar! Din hi s-saħħa lill-Maltin? Jiġifieri aħna qed nimbuttaw biex aktar nies jibqgħu bir-relief? Dawn huma vittimi ta’ politika li ma ħasbitx fit-tul. Dan kollu jrid jittieħed fl-isfond tal-għoli tal-ħajja li qegħda tinħass.
Il-kirjiet illum il-ġurnata rduppjaw fl-aħħar ħames snin. L-inkwilini qed ibatu,minkejja s-sussidju li toffri l-Awtorità tad-Djar. “The true measure of any society can be found in how it treats its most vulnerable members.”
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 2 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

