F’ħafna, għandhom forom varji ta’ ripetizzjonijiet tal-istess tema. bir-rispett, però, waqt li wieħed jisma’ u jara kitbet id-diskors tal-baġit isib lilu nnifsu jiftakar
Carm Mifsud Bonnici
Shadow Ministergħar-Riforma
Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali
- Jiġu lura kliem u ħidma li sejrin fl-istess ripetizzjonijiet. Kontinwazzjoni ta’ diversi temi li ma’ kull appuntament annwali jiġu estiżi, miżjuda fuq dak li kien hemm preżenti qabel. Però f’dan jibqgħu dawk li huma punti assenti. Dawk li fil-fatt għandhom bżonn jiġu indirizzati b’mod urġenti.
Dawk li jitolbu minna kunċetti u linji ġodda ta’ fejn ser immorru fil-futuri ekonomiċi tagħna. Fir-realtà hemm ukoll dawk il-passi li ma jistgħux jittieħdu jew li s-sitwazzjoni, kif żviluppat, ġiebet forom ta’ impossibilitajiet.
Il-punt
- Fil-fatt wieħed irid ukoll jirrimarka li, f’ħafna, id-diskors tal-Baġit huwa magħluq fil-kulturi passati ta’ kif għandu jitressaq il-kontenut. M’għadux iktar il-każ li jkun il-bżonn ta’ daqshekk tul.
Iktar qosor u b’viżjoni diretta lejn dak li ser nibdlu fl-ekonomija kien ikun aħjar. Fejn ser nikkonċentraw sabiex nibdlu dak li ninsabu fih biex nimxu iktar ’il quddiem.
F’ħafna sens kien hemm arja ta’ stennija li fil-fatt ħalliet il-pożizzjoni kif inhija. Sens ta’ sitwazzjoni fejn m’hemmx il-bżonn li wieħed iħares f’dinjiet differenti.
Anzi, b’impressjoni netta li ma jista’ jsir xejn aqwa minn dak li sar. Il-messaġġ tagħhom huwa li m’hemm l-ebda Gvern ieħor li kapaċi jissupera l-fruntieri u l-marġini ekonomiċi li ġew stabbiliti fil-parametri tad-diskors sħiħ.
X’jista’ jinbidel
- Meta tqis u tħares lejn dak li ngħad f’diskorsi preċedenti programmatiċi ta’ dan it-tip tagħraf li hemm gradwalità fil-konferma tal-maġġoranza li tħossha komda ekonomikament.
Tisħiħ tagħha u ma hemmx linji aktar ambizzjużi li jġibu lil dawk li huma minn taħt lejn il-possibilità li jitilgħu iktar ’il fuq. Ir-realtà soċjali ma rebħitx fuq dan. Anzi, baqgħet iktar tistenna l-ħin tagħha sabiex tirkeb ’il quddiem. Mingħajr ħafna diffikultà wieħed jifhem li l-linja tal-Gvern tindirizza s-sitwazzjoni soċjali li hija trid tagħraf.
Mhux, għalhekk, dak li hija attwalment u verament. Qisu li b’daqshekk wieħed ser isolvi, jew aħjar, jaljena fil-ħsieb li sab is-soluzzjoni.
Verament
- F’dan huwa minnu li wieħed diffiċilment seta’ jistenna linja ambizzjuża. Ninsabu lejn l-aħħar tal-leġiżlatura li fiha, tradizzjonalment, wieħed jipprova jikkonsolida fuq dak li jaħseb li rnexxielu jikseb politikament. Jista’ jkun l-aħħar wieħed ta’ dan il-Gvern f’din l-erbatax-il leġisżatura, u jista’ jkun ta’ qabel tal-aħħar.
Imma l-fatt huwa li l-aptit għar-riskji u lejn direzzjonijiet ġodda, naturalment jonqsu.
F’dan però hemm dejjem id-dmir u d-dover li wieħed jifhem li fil-fatt, persuni varji, u forsi wkoll il-maġġoranza, qegħdin iħossuhom ekonomikament tajjeb imma mhux neċessarjament hekk soċjalment.
Il-pożizzjoni li qed tiġi mressqa kull darba lura hija marbuta ma’ kumulu ta’ effetti li qed isiru iktar parti minn konsegwenza sħiħa. Jekk nitkellmu fuq il-fatt li s-sitwazzjoni tat-traffiku hija inkontrollabbli, li l-ammont ta’ persuni li hawn jgħixu f’pajjiżna daqstant ieħor, il-bini esaġerat li hu għaddej, il-fatt li l-familja, fis-sħiħ tagħha, qed tmur iktar lura u ma’ dawn kollha s-servizzi tas-saħħa u dak kollu li ċ-ċittadin jippretendi mill-Istat nifhmu li wasalna f’punt wisq ikkumplikat.
Tant hu hekk
- Fil-fatt, il-Gvern dwar dan jidher ċar ħafna li abbanduna l-art tal-bidla għax jifhem li huwa m’għadux aktar f’pożizzjoni li jwettaqha. Il-problemi ġew posposti għal żmien ieħor.
Dan huwa punt li rridu nagħrfu fid-dibattitu sħiħ li għaddej u li ħafna drabi jmur lejn id-dettalji u ma jmurx lejn l-istampa sħiħa. L-ideat naqsu, u dan qiegħed jidher.
Nistgħu nitkellmu fuq dak li ma nistgħux inwettqu u f’dan hemm ukoll siltiet mid-diskors li huma evidenti. Imma hemm diversi oħra li għandna nieħdu ħsieb li nressqu ’l quddiem. Inkella, f’ħafna, dan ikun biss eżerċizzju fl-aljenazzjoni politika li kull darba trid tissupera lil dik ta’ qabilha.
Politika
- F’dan, proprju għalhekk il-Baġit huwa relegat f’‘sempliċi’ direzzjoni ta’ propaganda politika. It-tama tal-Gvern hija li, għax-xhur li ġejjin, l-aġenda nazzjonali tinħakem minn punti varji.
Fejn dak li għandu ċertu mpatt soċjali u ekonomiku jitkabbar qisu l-bidu u t-tmiem tal-ħajja f’dawn il-gżejjer. Fejn iktar naraw, kif qed naraw, ministri eċċetra li lkoll jidhru sabiex “jispjegawlna” dak li ma nafux bih jew dak li għalina jista’, skont huma, ikun ikkumplikat wisq għall-moħħ dgħajjef tagħna.
Ser ikollna ħafna minn dan u ser jintefaq ħafna iktar f’karti u materjal varju li diġà qed nirċievu jew naraw imwaħħal. Imma anki jekk għall-mument jista’ jkun hemm min jemmen, wara wieħed jirrealizza li s-sitwazzjoni hija ħafna u ħafna differenti.
Naffrontaw
- F’dan ngħid li kellna nagħmlu qabżiet minn stili u metodi passati ta’ dettalji inutili u ta’ ħrib mill-verità. Il-pajjiż għandu bżonn soluzzjonijiet għal dak li qiegħed imissu. Inqis li diversi jippreferu li jirċievu inqas flus fil-but imma jkollhom stil u forma ta’ ħajja aħjar milli għandhom.
Qed ngħixu f’wisq pressjonijiet soċjali kontinwi li qed irendu morr il-ħelu li jista’ jkollna f’idejna. Aħjar inqas u aħjar milli iktar u agħar. Imma f’dan, il-Gvern ma qabiżx il-linja li seta’ bil-maġġoranza li għandu, imma qagħad pass sewwa lura.
Dan jew għax f’moħħu għandu li mhuwiex iż-żmien, jew li ser jiġi ż-żmien, jew li ma jistax jiġi ż-żmien meta taħtu l-affarijiet jistgħu jinbidlu. Pajjiżna jixraqlu aħjar fil-modernità kontinwa li qiegħed jitlob mingħandna. Forsi aħjar jekk wieħed jisma’ verament il-fatti u jaqbad direzzjoni ta’ bidla milli jibqa’ kif inhuwa.
Imma, kif mistenni, il-Gvern għażel li jibqa’ fejn kien: jaħdem kif inhuwa u ma jibdilx dak li jitlob li jinbidel.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 2 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

