Raġel ġie mmultat u kkundannat b’sentenza sospiża wara li ammetta li kkommetta reat ta’ estorsjoni (blackmail). John Anthony Borg deher fil-Qorti tal-Maġistrati, t-Tnejn waranofsinhar, fejn kien akkużat ukoll li hedded lill-vittma tiegħu u li insulentah. Borg dlonk ammetta l-akkużi miġjubin kontrih.
Fil-qorti ġie spjegat li Borg għamel ammissjoni bikrija u rrikonoxxa li seta’ għamel żball, aktarx taħt provokazzjoni. Il-prokuratur legali tal-vittma, Paul Camilleri, qal lill-qorti li l-vittma ma kienet qed titlob xejn iżjed ħlief ordni ta’ trażżin.
Min-naħa tiegħu, l-avukat tal-assistenza legali Axl Camilleri talab li l-piena tiġi sospiża. Il-qorti, wara li rat l-ammissjoni tal-imputat, sabitu ħati u kkundannatu għal sentenza ta’ 14-il xahar ħabs sospiża għal tliet snin. Barra minn hekk, Borg ġie mmultat €500.
Il-qorti ordnat ukoll ordni ta’ trażżin ta’ tliet snin favur il-vittma. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mis-Superintendent Frankie Sammut u mill-Ispettur tal-Pulizija Francesca Calleja, filwaqt li l-avukat tal-assistenza legali Axl Camilleri deher għall-akkużat u l-prokuratur legali Paul Camilleri assista lill-vittma.
//= $special ?>

