Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, annullat sentenza ta’ 18-il xahar ħabs tal-Qorti tal-Maġistrati kontra Matthew Vassallo ta’ 39 sena minn Bormla, li kien instab ħati b’pussess aggravat ta’ eroina li ma kinitx għall-użu personali tiegħu, kif ukoll bi ksur ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Il-każ imur lura għat-23 ta’ Ottubru 2020, meta l-Pulizija, wara informazzjoni kunfidenzjali, osservaw lil Vassallo jipparkja vettura Mitsubishi Animal fil-parkeġġ tal-Furjana, imbagħad imur lejn Bieb il-Belt fejn allegatament kien qed jittraffika droga taħt il-pretensjoni li kien ibigħ kotba ta’ karità.
Meta ġie arrestat, ammetta li kellu tliet qratas għal użu personali, iżda tfittxija fil-karozza tiegħu żvelat 21 qartas oħra b’5.88 gramma ta’ eroina, separati f’dożi identiċi. L-espert forensiku kkonferma li l-eroina kienet b’purità ta’ 15% u valur ta’ madwar €406.
Fil-qorti, Vassallo sostna li sab il-kontenitur bil-qratas fil-Marsa u li kien “tħajjar” jużahom għax qabel kien jieħu droga, iżda ma kienx ser ibigħhom. Il-Qorti ma emmnetx din il-verżjoni, sejħitha inverosimili, u nnotat li d-droga kienet lesta biex tinbiegħ. Qieset ukoll li kien fis-sitta ta’ filgħodu, f’ħin li kellu jkun irrikażat skont il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabitu ħati u kkundannatu għal 18-il xahar ħabs effettivi, ordnat ukoll il-konfiska ta’ €500 depożitu u €7,000 garanzija, flimkien ma’ €500 fi spejjeż u konfiska ta’ €160 fil-flus misjuba fil-pussess tiegħu.
Meta ressaq l-appell, Vassallo sostna li d-droga kienet għall-użu personali u li l-piena kienet eċċessiva. Huwa talab ukoll li l-każ tiegħu jiġi trattat taħt l-Att dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (Kap. 537), sabiex il-Qorti tassumi l-funzjoni ta’ Qorti dwar id-Droga. Din it-talba ġiet aċċettata u l-Qorti ordnat li jkun riferut lill-Bord ta’ Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga.
Ir-rapport tal-Bord, datat 29 ta’ April 2025, ikkonferma li l-proċess ta’ riabilitazzjoni ta’ Vassallo kien suċċess u li kien ħareġ mid-dipendenza tiegħu. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Appell qieset li r-reati tiegħu kienu prinċipalment attribwibbli għad-dipendenza tad-droga u għalhekk applikat l-artikolu 8(7) tal-Kap. 537.
B’hekk, il-Qorti ħalliet il-ħtija tiegħu fis-seħħ, iżda ħelsitu mill-ħabs effettiv billi sospendiet is-sentenza ta’ 18-il xahar għal sentejn, taħt il-kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor f’dan il-perjodu. Il-Qorti ordnat ukoll li dan ir-reat ma jitteħidx in konsiderazzjoni għall-għoti ta’ ċertifikat tal-kondotta skont il-liġi.
B’dan, il-Qorti kkonfermat il-partijiet kollha l-oħra tas-sentenza oriġinali, inkluża l-konfiska tal-garanziji u d-distruzzjoni tad-droga, iżda revokat il-ħabs effettiv u ssospendiet il-piena, billi rrikonoxxiet il-progress riabilitattiv ta’ Vassallo u l-fatt li l-imġiba kriminali tiegħu kienet marbuta mad-dipendenza fuq id-droga.
//= $special ?>

