Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, ċaħdet l-appell ta’ Xemizin McKay u kkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li kkundannatu għal xahar ħabs effettivi u skwalifika tas-sewqan għal sena u tliet xhur.
McKay kien instab ħati li fis-17 ta’ Ġunju 2023 saq vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan u mingħajr assigurazzjoni, waqt li l-liċenzja tiegħu kienet diġà sospiża b’deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell li bdiet mill-31 ta’ Mejju 2023.
L-Imħallef Grima rrimarkat li, minkejja l-ammissjoni bikrija tal-appellant, l-imġiba tiegħu kienet turi sfida lejn id-deċiżjoni tal-Qorti u nuqqas ta’ rispett lejn il-liġi, għalhekk ma kienx jistħoqqlu benefiċċju jew fiduċja mill-ġdid.
Il-Qorti għalhekk ikkonkludiet li l-piena ta’ xahar ħabs effettivi kienet ġusta u proporzjonata mal-fatti tal-każ, u ordnat li s-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan tibda tgħodd mill-jum li McKay joħroġ mill-ħabs. Il-każ joriġina minn inċident li seħħ fis-17 ta’ Ġunju 2023, għall-ħabta tas-2.30pm. fi Triq Buqana, limiti tar-Rabat, meta Xemizin McKay, li kellu 19-il sena, li kien qiegħed jagħmel użu minn vettura.
Il-Pulizija akkużatu li saq din il-vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan, mingħajr assigurazzjoni dwar riskji ta’ terzi persuni, u li kien naqas li jżomm kontroll tal-vettura u ostakola l-mogħdija fit-triq. Barra minn hekk, huwa ġie akkuzat bħala reċidiv, peress li kien diġà kkundannat mill-Qorti tal-Maġistrati fl-2022 għal reati simili.
Fil-Qorti tal-Maġistrati, McKay kien ammetta l-akkużi u sabitu ħati u kkonstatat ukoll li kien reċidiv. Xemizin McKay appella minn din is-sentenza, billi ressaq rikors fl-4 ta’ Frar 2025, fejn sostna li l-piena imposta kienet inġusta u eċċessiva.
Huwa sostna li kellu jiġi ttrattat b’mod aktar ħanin, billi ammetta kmieni, kien għad għandu 19-il sena, u kien miexi fit-triq it-tajba. L-Avukat Ġenerali wieġeb għall-appell fil-9 ta’ April 2025, jissottometti li l-piena kienet ġusta u fi ħdan il-limiti tal-liġi.
Il-Qorti tal-Appell, wara li rat l-atti kollha u s-sejħiet tal-partijiet, eżaminat il-fatti u l-kundizzjonijiet fil-każ. L-Imħallef Grima rrimarkat li l-prinċipju ġurisprudenzjali huwa ċar: Qorti ta’ appell ma tintervenix fil-piena tal-ewwel Qorti sakemm dik il-piena ma tkunx “ħażina fil-prinċipju” jew “manifestament eċċessiva”.
F’dan il-każ, il-Qorti osservat li l-piena ta’ xahar ħabs kienet fi ħdan il-parametri tal-liġi, fejn sewqan mingħajr liċenzja jista’ jġorr sa sena ħabs jew multa sa €1,200, u sewqan mingħajr assigurazzjoni jista’ jġorr sitt xhur ħabs jew multa sostanzjali bejn €4,658 u €5,823.
Il-Qorti nnotat li McKay kien diġà misjub ħati għal reati identiċi ftit xhur qabel, u l-liċenzja tiegħu kienet sospiża għal sena b’deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell li bdiet mill-31 ta’ Mejju 2023. Minkejja dan, fi żmien inqas minn xahar – jiġifieri fis-17 ta’ Ġunju 2023 – huwa reġa’ saq vettura u għamel dan mingħajr assigurazzjoni, u dan waqt li kien wieqaf f’nofs triq ifittex pakkett sigaretti fuq in-naħa tal-passiġġier, li kien qed jfixkel it-traffiku.
L-Imħallef Grima rrimarkat li dawn iċ-ċirkostanzi juru sfida ċara lejn il-Qorti u nuqqas ta’ rispett lejn id-deċiżjonijiet tagħha, kif ukoll nuqqas ta’ lezzjoni mill-piena preċedenti. Il-Qorti osservat li l-appellant kien ingħata ċans mill-Qorti biex jitgħallem u jtejjeb ruħu, iżda għażel li jinjora d-deċiżjoni u jkompli jikser il-liġi.
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Appell qieset li ma kien hemm l-ebda bażi biex tintervjeni jew tnaqqas il-piena. L-Imħallef Grima qalet li ma setgħetx “terġa’ tagħtih il-fiduċja” li ma jikkommettix reati oħra, u għalhekk ikkonkludiet li l-piena ta’ xahar ħabs effettiv kienet ġusta u proporzjonata mal-fatti u l-kundizzjoni tal-appellant.
//= $special ?>

