Futbol Sport

Xokk fis-Serbja | Kowċ tal-futbol ta’ 44 sena, jitlef ħajtu wara li ħassu ħażin waqt partita

Mladen Žižović
Mladen Žižović

Tragedja fil-futbol Serb. Waqt partita mis-Super Liga tal-pajjiż, bejn Radnički 1923 u Mladost, li ntlagħbet il-bieraħ il-Ħadd, il-kowċ tal-klabb minn Kragujevac, Mladen Žižović miet wara li ħassu ħażin waqt il partita.

Žižović kellu 44 sena, u fit-22 minuta tal-partita, hu waqa ħdejn il-bank u mal-ewwel ingħata l-għajnuna medika u ttieħed l-isptar. Il-logħba mbagħad kompliet, iżda ġiet imwaqqfa fil-41 minuta wara li sar magħruf li l-kowċ ta’ Radnički 1923 kien miet.

Žižović twieled fis-27 ta’ Diċembru 1980. Huwa lagħab ma’ bosta klabbs fil-Bożnija u Ħerzegovina, u beda l-karriera tiegħu bħala kowċ fl-2017 ma’ Radnik minn Bijeljina.

Kien ukoll kowċ ta’ Zrinjski, Sloboda minn Tuzla, Al Kolod mill-Arabja Sawdija, Škupi mill-Maċedonja u Borac minn Banja Luka.

Žižović, eks internazzjonali tal-Bożnija, kien inħatar kowċ ta’ Radnički 1923, ftit tal-jiem ilu, preċiżament fit-23 ta’ Ottubru, bil-partita kontra Mladost kienet it-tielet logħba tiegħu fit-tmexxija.

Appena saret magħrufa l-aħbar tal-mewt tal-kowċ Žižović kienu bosta l-messaġġi ta’ kondoljanzi li saru mill-komunitá tal-futbol, mhux biss fis-Serbja.  

Fost dawk li selmu lil Žižović, li kien missier ta’ tliet itfal, kien hemm l-Assoċjazzjoni tal-Futbol tas-Serbja.