Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, annullat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li kienet sabet lil Emilio Ellul ħati li huwa ħaseb li għandu xi dritt jew jedd fuq il-propjetà tal-eks ieħba tiegħu u kkundannatu għal multa ta’ €2,300. Il-prosekuzzjoni kienet ħadet żball fid-data ta’ meta seħħ l-att u qatt ma talbet korrezzjoni.
L-episodju kien seħħ f’Emerald Court, San Pawl il-Baħar, fejn allegatament Ellul kien biddel is-serratura tal-appartament li għandu in komun mal-eks sieħba, u b’hekk ċaħadha milli tidħol fil-proprjetà. Il-mara rrappurtat lill-pulizija nhar l-4 ta’ Lulju 2024 li ma setgħetx tidħol fl-appartament wara li bintha infurmatha li kien hemm ‘code box’ fuq il-bieb u li Ellul kien ħareġ xi affarijiet personali tagħha fil-komun tal-blokka.
Ellul ammetta li kien biddel is-serratura wara li allegatament hi daħlet fid-dar mingħajr permess u ħadet xi oġġetti, fosthom ‘washing machine’. Huwa sostna li għamel dan biex jipproteġi l-proprjetà tiegħu u aktar tard reġa’ poġġa l-lock il-qadim, għalkemm ma avżax lill-ex sieħba tiegħu.
L-appell tiegħu kien ibbażat fuq punt ta’ żball fid-data tal-akkuża, fejn sostna li l-episodju seħħ fl-1 ta’ Lulju 2024 u mhux fl-4 ta’ Lulju kif kien indikat fiċ-ċitazzjoni. Il-Qorti tal-Appell qieset li r-reat taħt l-artikolu 85(1) tal-Kodiċi Kriminali huwa reat istantantanju — jiġifieri jseħħ fil-mument tal-att inkriminat, u mhux kontinwat matul iż-żmien, anke jekk l-effetti tiegħu jistgħu jibqgħu.
Għaldaqstant, billi fiċ-ċitazzjoni kienet indikat data u ħin preċiżi (4 ta’ Lulju 2024, 20:00), iżda l-provi wrew li s-serratura kienet diġà mibdula qabel dik id-data, il-Qorti ma setgħetx issib lil Ellul ħati għal reat li ma seħħx fid-data speċifikata.
Il-Qorti rrilevat ukoll li l-Prosekuzzjoni ma talbitx ebda korrezzjoni fiċ-ċitazzjoni matul il-proċeduri u għalhekk il-fatti kif formulati kienu żbaljati legalment. Fid-dawl ta’ dan, l-Imħallef Grima ddeċidiet li tilqa’ l-appell, tħassar is-sentenza oriġinali, u tillibera kompletament lil Emilio Ellul minn kull ħtija u imputazzjoni.
//= $special ?>

