Sena wara li l-Gvern wiegħed li kien se jimplimenta d-Direttiva Ewropea dwar il-paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali, il-ħaddiema baqgħu b’xiber imnieħer.
Eluf ta’ ħaddiema impjegati permezz ta’ aġenziji ta’ xogħol ma’ kuntratturi mqabbda mill-Gvern tħallew f’inċertezza, u sal-lum baqgħu ma rċevewx l-aġġustamenti fil-paga u l-arretrati dovuti lilhom mill-istess Gvern.
Sostna dan fi stqarrija, ix-Shadow Ministru għax-Xogħol, is-Settur Marittimu u l-Avjazzjoni, Ivan Castillo fejn qal li din id-Direttiva, li Malta kienet obbligata ddaħħal fil-liġijiet tagħha, tiżgura li l-ħaddiema kollha li jwettqu l-istess dmirijiet, inklużi dawk impjegati permezz ta’ aġenziji li jaħdmu taħt kuntratti mal-Gvern, jitħallsu bl-istess mod bħal sħabhom li huma direttament impjegati mal-Gvern. Ironikament, il-Prim Ministru nnifsu faħħar dan il-pass f’Ġunju tal-2024, iżda sal-lum baqa’ ma daħħlux fis-seħħ.
Ix-Shadow Minister kompla jgħid kif il-Gvern wiegħed li jindirizza din id-diskriminazzjoni fil-pagi f’Jannar 2025. L-aġenziji, l-unions u l-ħaddiema kienu mwiegħda mill-Uffiċċju tal-Persuni u l-Istandards fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li l-arretrati u l-kuntratti aġġornati jkunu finalizzati sa Ġunju 2025.
Meta l-Gvern, għal darba oħra, naqas milli jirrispetta dan it-terminu, ġew iddikjarati tilwimiet industrijali. Wara li l-Gvern reġa’ ħareġ jgħid li l-ħlasijiet kienu se jiġu regolati sa Settembru 2025, il-unions waqqfu l-azzjoni tagħhom. Iżda minkejja l-wegħdi li għamel, Gvern inkonsistenti u inkompetenti reġa’ falla anke dan it-terminu ta’ Settembru u sal-lum għadu ma nbidel xejn.
Dan ifisser li minkejja l-ħafna kliem, sa issa:
- Ma sar l-ebda ħlas ta’ arrettrati,
 - Ma ġewx aġġornati l-ebda kuntratti,
 - Madwar 15,000 ħaddiem għadhom jitħallsu inqas u m’għandhomx ċertezza meta se jiġu rispettati d-drittijiet tagħhom.
 
Dan jirrappreżenta falliment sistemiku ta’ tmexxija u governanza. Il-Gvern ma onorax l-obbligi legali tiegħu taħt l-istess Direttiva Ewropea li hu stess aċċetta. Minkejja li bil-kliem isejjaħ lilu nnifsu “Gvern soċjali”, bil-fatti qed ikompli jċaħħad lil eluf ta’ nisa u rġiel li jwettqu servizzi pubbliċi essenzjali, mit-trattament ġust u ugwali li wiegħed li se jagħtihom.
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li dan il-falliment jinsab kollu fuq spallejn il-Gvern, li jibqa’ jagħti dati li mbagħad ma jżommx magħhom u wegħdiet li ma jwettaqx, u jħalli lill-ħaddiema u lill-aġenziji f’limbu amministrattiv.
Il-Partit Nazzjonalista juri solidarjetà sħiħa mal-ħaddiema u jwiegħed l-appoġġ tiegħu kollu biex dawn jingħataw dak li hu dovut lilhom.
Id-direttiva tal-Equal Pay for Equal Work li daħħal il-Gvern tibqa’ liġi fuq il-karta biss. Billi ma japplikahiex, il-Gvern qed jikser id-Direttivi tal-Unjoni Ewropea, il-liġijiet Maltin u l-fiduċja tal-ħaddiema tal-kuntratturi.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni li:
- Il-Gvern għandu minnufih jimplimenta l-aġġustamenti tal-paga ugwali;
 - L-arretrati kollha għandhom jitħallsu retroattivament u immedjatament;
 - Il-kuntratti ta’ impjieg għandhom jiġu aġġornati minnufih biex jirriflettu l-iskali tal-pagi l-ġodda.
 
Gvern li tassew jemmen fil-ġustizzja soċjali għandu jwettaq il-ġustizzja permezz tal-azzjoni, mhux bil-kliem vojt u bil-konferenzi tal-aħbarijiet.
Dan il-Gvern tilef il-fiduċja u wera li lanqas kapaċi jwettaq biċċa xogħol sempliċi bħall-kalkolu tal-ammonti dovuti lil dawn il-ħaddiema.
Kull meta jiġi biex il-kliem jaqlibhom f’azzjoni, dan il-Gvern qed ifalli. Jistgħu jippritkaw kemm iridu li dan hu “Gvern tal-ħaddiema”. Illum dan hu Gvern li jċaħħad lill-ħaddiema minn flushom u mid-drittijiet tagħhom.
//= $special ?>

